“L-istat tal-ambjent, kemm naturali jew dak mibni, u kemm nieħdu ħsiebu jew le, huwa rifless tal-pajjiż” – il-President

Aħna naħsbu fuq livell globali, iżda rridu naġixxu fuq livell lokali, qal il-President fid-diskors tiegħu fil-Malta Architectural and Spatial Planning Awards li saru online nhar il-Ġimgħa filgħaxija.

Il-President feraħ lir-rebbieħa kollha fl-għaxar kategoriji meqjusa f’dawn il-premjijiet kif ukoll lil dawk li ġew imfaħħra tax-xogħol tagħhom. Dawn il-premjijiet kienu maħsuba biex jippromwovu proġetti li ħallew impatt, jingħataw ir-rikonoxximent dovut, u biex jiġu inkoraġġuti periti u disinjaturi emerġenti u stabbiliti li wrew viżjoni u impenn għal standards ambjentali għoljin fil-proġetti tagħhom.

Fid-diskors tiegħu, il-President spjega li, “Issa huwa ż-żmien li niddiskutu b’mod kostruttiv x’bidliet nixtiequ naraw iseħħu biex nevitaw repetizzjoni jew kontinwazzjoni ta’ prattiki li setgħu żammewna lura milli nilħqu l-livelli ottimali mixtieqa fil-politiki ta’ ppjanar tagħna”.

“Avvenimenti bħal dan jagħtuna t-tama”, qal il-President, waqt li spjega kif jekk hemm biżżejjed rieda mill-partijiet interessati kollha li jiddeterminaw dan il-bilanċ delikat, “Jista’ jirnexxilna nidentifikaw il-formula t-tajba għall-benesseri tal-poplu tagħna”.

Il-President spjega li l-pandemija tal-COVID-19 fetħitilna għajnejna f’dan ir-rigward hekk kif kulħadd beda japprezza aktar l-importanza li jkollna spazji adekwati fejn ngħixu.

Il-President qal li huwa tassew jemmen li l-periti u dawk li jippjanaw l-ispazji huma atturi ewlenin f’dan kollu peress li huma l-aġenti tal-bidla, li dmirhom huwa li jippreservaw dak li għandna waqt li jiżguraw li l-ġenerazzjonijiet futuri tagħna jkunu jistgħu jħarsu lura lejn il-ġenerazzjoni tagħna u jirringrazzjawna talli ħadna d-deċiżjonijiet it-tajba fil-ħin opportun.

Huwa kkonkluda li hija r-responsabbiltà tagħna li nużaw it-tendenzi tal-aħħar, il-materjali tal-aħħar, it-teknoloġiji tal-aħħar u l-aqwa disinni biex insaħħu l-karatteristiċi tal-wirt Malti tagħna, u nevitaw it-tendenzi kollha, irrispettivament minn kemm huma moderni, li jwassluna nadottaw stili u strutturi li huma anonimi, minkejja li internazzjonali, iżda li bl-ebda mod ma jirriflettu l-karatteristika partikolari Maltija.

Share With: