“L-isptar b’nifsi maqtugħ bil-Covid-19… li kien ħdejja u dak li ħa s-sodda li kont fiha, ma rnexxilhomx jegħlbu l-Covid”

Minn Victor Vella

F’kamra ta’ erba’ persuni. Kollha morda bil-Covid-19. In-nifs baxx ħafna. Ħadd ma jista’ jidħol ħdejk. Realtà iebsa. Tittama biss li toħroġ minn dik is-sitwazzjoni. Li jirnexxielek toħroġ minn dak il-bieb.  “Itolbu għalija”, kien il-messaġġ li rċevejt minn persuna li ilni nafha żmien twil. Messaġġ li ntbagħad lil ħafna nies qrib ta’ din il-persuna. Tista’ timmaġina xi ħsibijiet ikunu għaddejjin minn moħħ min ikun għaddej minn din is-sitwazzjoni.  Jispikka messaġġ ukoll li inħareġ minn persuna li qiegħda l-isptar. Mhix fil-periklu għax qed tirkupra. Tgħid li “li nisma’ min fieq tagħmilli kuraġġ kbir. Iebsa ħafna din li l-ossiġnu ma jkunx naturali. Tkissrek fiżikament u mentalment”.

Fl-aħħar sigħat tkellem b’mod ċar ħafna Mohamed Elaida. dwar l-esperjenza iebsa li xi ħadd jispiċċa l-isptar minħabba l-Covid.

Hu jgħid li “irrid naqsam l-esperjenza tiegħi.  Inħossni fortunat ħafna li irnexxieli negħleb il-Covid-19. Għadni għaddej nirkupra f’dari. Jien ittestjat pożittiv għal Covid-19 jumejn wara marti. Kemm il-mara u anki it-tfal tiegħi kellhom sintomi ħfief.”

Jenfasizza li “għamilt tmint ijiem id-dar niġġieled is-sintomi tal-Covid19. Kien ikolli id-deni, sogħla xotta, għejja, uġigħ fil-muskoli u diarrhoea. It-tama tiegħi kienet li s-sintomi jgħaddu bħal ma jiġri bis-sintomi tal-influwenza. Fid-disa’ jum, u wara insistenza kbira mill-mara, jien ma kelli ebda għażla oħra ħlief li nċempel l-ambulanza biex nittieħed l-isptar. Kont trasferit lejn Urology 2, li hi ward temporanja għal pażjenti bil-Covid-19. Din hi sala magħluqa u fiha tinżamm fi kwarantina. F’din is-sala konna erba’ pazjenti, għal sebat ijiem fil-ġimgħa. Jien kont nipprova ngħin lil pazjenti oħra meta stajt. Matul dan iż-żmien,  kienu biss tobba u infermieri lebsin ilbies sħiħ ta’ protezzjoni kontra l-Covid19, li kienu jidħlu fis-sala. Kemm kien hemm aktar pazjenti f’sezzjonijiet toħra ta’ din is-sala ma konniex nafu. Wara sirt naf li kien hemm erbgħin pazjent”. 

Jiddikjara li “konna f’idejn tajbin u kienu jieħdu ħsiebna ħafna. L-infermiera kienu juruna l-entużjażmu tagħhom. Imma mhux biss kienu jagħtuna it-tama f’kull ħin. Dan kien ta’ inkoraġġiment għalina biex nirkupraw.”

“L-uniku eżerċizzju li konna nistgħu nagħmu kien dak ta’ mixja ta’ ħames minuti, fl-istess sala.  Kien hemm tobba u anki infermiera li kienu jidhru stressjati minħabba l-ammont ta’ xogħol li kien hemm.  Meta ittestjajt negattivi, u dan kien madwar 14-il ġurnata wara li kont ġejt pożittiv, jien kont trasferit lejn sala oħra. Hemmhekk stajt nimxi aktar fil-kuritur. Niftakar lill-infermiera li trasferietni lejn din is-sala tgħidli li “jien kont nieħdu gost naħdem meta inkun off jew fil-ġurnata ta’ mistrieħ. Illum imma dan ma nistax nagħmlu aktar, issa għajjiena ħafna. M’iniex interessat aktar f’li ndaħħal xi ħaġa tal-flus żejda.”

Mohamed jgħid li “kien hemm ġranet metta jien kont bdejt naħseb li norqod u ma nqumx.  Wara sirt naf li l-pazjent li kien ħdejja u ieħor li uża is-sodda tiegħi aktar tard, ma irnexxielhom jirbħu il-Covid19. Minn qalbi nirringrazzja lit-tobba, infermieri u staff ieħor li ħadmu bla heda biex irritornajt mal-familja.”

Share With: