L-isfidi tal-GWU u x’jagħmilna aħna?

Minn żmien ir-revoluzzjoni industrijali, id-dinja tax-xogħol evolvit kontinwament. L-impjiegi u l-postijiet tax-xogħol inbidlu u l-ekonomiji ta’ pajjizi differenti ngħaqdu fi blokok ekonomiċi. Id-dinja tax-xogħol li dejjem iktar qed tinħakem minn taqbida fuq livell globali, b’avvanzi teknoloġiċi jsostnu din il-bidla. Filwaqt li min iħaddem jara l-globalizzazzjoni industrijali bħala opportunità għall-investiment u tkabbir industrijali, il-ħaddiem irid jaħtaf kull opportunità li tagħti l-globalizzazzjoni biex ittejjeb il-ħiliet tiegħu u jimxi ʼl quddiem fil-karriera tiegħu. B’dan il-mod biss, aħna nkunu konxji mill-potenzjal u mill-kapaċitajiet tagħna bħala ħaddiema u nippreparaw għad-dinja tax-xogħol ġdida u l-pandemija għaġġlet dan il-proċess ta’ trasformazzjoni.

Il-GWU dejjem ħadmet, fl-aħjar interess tal-ħaddiema, ma’ min iħaddem u mal-gvernijiet ta’ kull żmien biex tkompli ttejjeb il-ħajja tal-membri u tal-ħaddiema. Bħalissa l-GWU qiegħda f’diskussjonijiet mal-gvern preżenti flimkien mas-sħab soċjali ewlenin dwar diversi drittijiet  u liġijiet ġodda favur il-ħaddiema fosthom;

  • Id-dritt li taqta’ minn dak li hu relatat max-xogħol (#therighttodisconnect)
  • Paga ugwali għal xogħol tal-istess valur
  • Id-direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata
  • Living income
  • Pay Transparency
  • Differenza fil-paga bejn is-sessi (gender pay gab)
  • Apparti minn hekk bħalissa l-akbar sfida tagħna hija l-effetti tal-pandemija fuq il-ħaddiema u min iħaddem.
  • Id-dritt li l-ħaddiema kollha jkunu membri f’unjon tal-għazla tagħhom
  • Ħaddiema jaħdmu fuq pjattaformi (apps)

Għalkemm il-GWU dejjem ħadmet tajjeb ma’ kull gvern dan ma jfissirx illi l-Union ma jkollix sfidi biex tilħaq l-aspirazzjonijiet tal-ħaddiema. Il-GWU għandha rwol ta’ interlokutur bejn gruppi ta’ ħaddiema membri f’setturi diversi tal-ekonomija, min iħaddem u l-gvern. Aktar ma jkun hemm bidliet fid-dinja tax-xogħol aktar il-ħidma tal-GWU tkun intensiva. 

Is-Segretarji ta’ kull taqsima jiltaqgħu ta’ kuljum mal-membri biex jisimgħu l-ilmenti u l-proposti tagħhom, ifehmu l-aħjar triq ʼil quddiem u għalfejn. Mhux dejjem faċli li ż-żewġ naħat jilħqu ftehim. Mhux dejjem ikun faċli li tikkonvinċi lill-membri li l-ekonomija globalizzata tagħmel ħsara lill-post tax-xogħol tagħhom, li tista’ twassal għat-telfien ta’ impjiegi.  L-irwol tal-Union huwa li tipproteġik u tara li qed tieħu dak li hu bi dritt għalik.

Apparti minn hekk il-GWU kontinwament taħdem fuq skala nazzjonali u anke Ewropea biex tintroduċi drittijiet u riformi ġodda skont l-industrija. Huwa hawnhekk li l-Union titkellem kemm mal-għaqdiet ta’ min iħaddem kif ukoll mal-gvern biex jiġu introdotti liġijiet ġodda li jikkumplimentaw id-dinja l-ġdida tax-xogħol. Dan kollu jsir mhux biss għall-membri però anke f’isem il-ħaddiema kollha tal-istess settur. F’dan il-proċess il-GWU tibni rapport biex issaħħaħ il-vuċi tal-ħaddiema u turi bil-miktub għaliex diversi liġijiet ġodda favur il-ħaddiema għandhom jiġu implimentati.

Ftehim Kollettiv

Il-Ftehim Kollettiv huwa dak li jorbot bil-liġi n-negozjati bejn it-Trade Union u min iħaddem. 

Huwa jiddefenixxi;

  • L-obbligi
  • Il-benefiċċji
  • Id-drittijiet tal-impjegati li jagħmlu parti mill-ftehim

Bħala Union aħna nagħmlu Ftehim Kollettiv ma’ dawk il-kumpaniji kollha illi naħdmu magħhom dan għaliex il-ftehim ta’ bejn iż-żewġ partijiet jagħti idea ċara ta’ kif għandhom jimxu l-affarijiet. Apparti minn hekk jgħin biex meta jkun hemm xi sitwazzjoni ta’ diverġenza tiġi solvuta fl-iqsar żmien possibbli. Ftehim kollettiv huwa rabta bejn il-Union, il-ħaddiema tal-post tax-xogħol u min iħaddem. 

Bħalissa s-Segretarji tal-GWU qegħdin isibuha diffiċli biex jikkonkludu Ftehim Kollettiv ma’ diversi kumpaniji minħabba l-pandemija li ħolqot ħafna inċertezzi. 

Problemi ġodda li ħolqot il-pandemija;

  • Illum tidher iżjed id-differenza bejn postijiet tax-xogħol organizzati f’Union u dawk li mhumiex. Rajna diversi każi fejn min iħaddem qiegħed juża din is-sitwazzjoni biex jisfrutta l-impjegati tiegħu
  • Diversi kumpaniji għandhom numbri kbir ta’ ħaddiema fi kwarantina allura x-xogħol qiegħed jaqa’ lura jew jinqasam bejn anqas impjegati
  • Ċertu kumpaniji naqqsu l-ġranet tax-xogħol u permezz ta’ hekk qed jinħolqu problemi soċjali u finanzjarji fil-familji
  • Ħaddiema fl-industrija tal-avjazzjoni u tal-ospitalità għadhom magħluqa
  • Numru ta’ kumpaniji li naħdmu magħhom għandhom maniġment internazzjonali u kulturi differenti u xi kultant hija iżjed diffiċli jifhmu s-sitwazzjoni f’pajjiżna
  • Xi drabi hija sfida biex tfiehem lil diversi membri li s-sitwazzjoni preżenti hija diffiċli għal min iħaddem ukoll
  • Ċertu sitwazzjonijiet qegħdin jikbru minħabba li laqgħat fiżiċi fuq bażi regolari kellhom jieqfu
  • Numru kbir ta’ anzjani qegħdin ibatu mis-solitudni

Bħala Union irridu nsibu bilanċ u niżguraw illi l-piż jinqasam fuq kulħadd. Qed naraw ukoll diversi ħaddiema huma eżawriti minħabba dawn is-sitwazzjonijiet li ġabet magħha l-pandemija. Mill-banda l-oħra aħna naraw illi l-ħaddiema membri qegħdin jagħmlu l-parti tagħhom ukoll u għandhom dejjem jibqgħu jagħmlu xogħolhom u jirrispettaw id-dmirijiet lejn l-impjieg tagħhom u min iħaddimhom.

Il-pandemija hija xi ħaġa ġdida għalina wkoll u mhijiex faċli, però bħala Union aħna dejjem nippruvaw insibu l-bilanċ u nkunu preparati għal futur;

  • Id-drittijiet tal-ħaddiema jibqgħu dejjem irrispettati 
  • Ngħinu lil min iħaddem
  • Naraw illi l-kundizzjonijiet tax-xogħol ma jinbidlux
  • Il-pagi ma jiġux imnaqqsin b’mod drastiku
  • Inżommu kuntant mal-membri u l-pensjonanti li għaddejin mill-problema tas-solitudni
  • Nagħtu ċans lill-membri jaqsmu magħna l-problemi li għaddejjin minnhom u naraw kif nistgħu nkunu ta’ għajnuna għalihom

Idħol membru jekk tixtieq li jkollok Union tipproteġik speċjalment f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida.

Share With: