L-impjegati tal-BOV fi sfida kontra l-inugwaljanza u l-preġudizzju

Fit-8 ta’ Marzu, fil-Jum Internazzjonali tan-Nisa, l-istaff tal-Bank of Valletta warrbu l-ilbies tax-xogħol, libsu l-vjola favur il-ġustizzja u d-dinjità u għażlu li jimpenjaw ruħhom għal dinja inklussiva.

Impjegati li matul il-pandemija qed jaħdmu mid-dar ingħaqdu mal-kollegi tagħhom fil-fergħat u d-dipartimenti u flimkien tellgħu idejhom ‘il fuq sabiex juru l-impenn tagħhom kontra l-preġudizzju u l-inugwaljanza bejn is-sessi, l-abbuż fuq in-nisa u biex jiċċelebraw il-kisbiet tan-nisa – mhux biss f’Jum il-Mara imma kuljum. Barra minn hekk, l-impjegati ġabru fondi sabiex jgħinu nisa vulnerabbli li jgħixu f’xelters minħabba vjolenza domestika, nuqqas ta’ akkomodazzjoni u diffikultajiet oħra relatati ma’ saħħa mentali, droga u kwistjonijiet familjari.

“Din is-sena ddeċidejna li nxerrdu kuxjenza dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, billi pparteċipajna fit-tema tal-IWD 2021 #ChoosetoChallenge. Bħas-soltu, l-istaff tagħna wieġeb għas-sejħa ta’ azzjoni b’mod meraviljuż. Huwa sabiħ ħafna li tara l-istaff tagħna jimpenjaw ruħhom lejn din it-tema, irrispettivament mis-sess tagħhom,” qalet Claudette Pace, waħda mill-organizzaturi tal-inizjattiva fi ħdan il-Bank of Valletta. 

“Sfortunatament, fl-2021 għadna naraw inugwaljanza bejn is-sessi – u dan m’huwiex biss relatat ma’ differenzi fil-pagi jew il-parteċipazzjoni tan-nisa fi rwoli għolja.  Irrispettivament mill-progress li sar matul dawn l-aħħar 50 sena, il-pandemija ġegħlitna nitilfu xi ftit jew wisq mill-momentum, u n-nisa kellhom għal darb’oħra jwaqqfu l-karriera, jaħdmu fl-iktar impjiegi riskjużi, iħabbtu wiċċhom ma’ żieda fi vjolenza domestika u jaraw nuqqas fis-sigurtà finanzjarja. Allura iva, għandna bżonn li kontinwament nistinkaw biex naslu għal ugwaljanza kemm fuq il-post tax-xogħol kif ukoll fis-soċjetà tagħna.”

“Fil-Bank of Valletta, qed naħdmu biex nilħqu l-għan tan-Nazzjonijiet Magħquda (UN SDG) fejn tidħol ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa. Bħala istituzzjoni, b’60% tal-forza tax-xogħol tagħna magħmula minn nisa u 49% tar-rwoli ta’ tmexxija okkupati minn nisa, aħna nemmnu bis-sħiħ li ħiliet diversi jagħmlu n-negozju tagħna aktar b’saħħtu. Bħala parti mill-impenn tagħna lejn il-valuri Ambjentali, Soċjali u Governanza (ESG), inħeġġu bilanċ aħjar tad-dmirijiet tal-ħajja tal-familja bejn is-sessi; noffru opportunitajiet ta’ xogħol mid-dar, nipprovdu taħriġ dedikat fuq it-tmexxija għan-nisa u nistinkaw biex innaqqsu l-ostakli għall-impjegati nisa tagħna sabiex ikomplu jilħqu pożizzjonijiet fl-ogħla livelli tal-Bank.  Mil-lat tal-komunità, inħeġġu lill-bniet biex jimxu lejn karrieri ambizzjużi u nappoġġjaw kawżi li jgħinu lin-nisa jiksbu d-dinjità u l-indipendenza tagħhom.”

Aħna kburin bl-impjegati nisa tagħna li matul is-snin ikkontribwew għas-suċċess tal-Bank of Valletta. Nimpenjaw ruħna li nkomplu nbiddlu l-mod kif immexxu u naġixxu, billi nagħmlu ħilitna sabiex inwaqqfu kwalunkwe limiti u konfini għan-nisa kemm ġewwa l-Bank, kif ukoll barra. Dan huwa l-mod kif nistgħu nkomplu nikbru kemm bħala individwi u istituzzjoni kif ukoll bħala pajjiż.” 

Biex tara l-filmat tal-Kampanja BOV Choose to Challenge jekk jogħġbok żur https://youtu.be/iZx6czy-Fko

Share With: