L-ekonomija tiċkien b’€768 miljun fl-2020

Matul l-2020 l-ekonomija ċkienet b’€768.4 miljun fuq l-2019 bil-Gvern jara tnaqqis fid-dħul imma żieda fl-għajnuna biex itaffi l-impatt tal-Covid19.

Ċifri maħruġin mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) juru li l-ekonomija laħqet it-€12.8 biljun matul is-sena li għaddiet.

It-tnaqqis ta’ €768.4 miljun fil-Prodott Gross Domestiku kien dovut għal żieda ta’ €137.8 miljun f’kumpens lill-impjegati, tnaqqis ta’ €216.8 miljun fis-surplus u d-dħul u tnaqqis ta’ €689.4 tnaqqis fit-taxxi fuq prodotti u importazzjoni.

L-istatistika turi tnaqqis ta’ 6.7% fil-qasam tas-servizzi, ta’ 1% fl-industrija u ta’ 10.7% fil-biedja u sajd.

Mil-lat ta’ servizzi l-ikbar tnaqqis kien dak fl-akkomodazzjoni u l-ikel li naqas b’64.7%; it-trasport naqas b’43.1%; il-bejgħ b’9.9%; l-arti, divertiment u rikreazzjoni b’10% u l-finanzi u l-assikurazzjoni bi 3.9%.

Fuq nota opposta, meqjusa bħala pożittiva għall-ekonomija, l-industrija tal-kostruzzjoni rat tkabbir ta’ 2.9%.

L-istatistika turi kif il-konsum f’restoranti u lukandi niżel bi 58.9%, dak f’attivitajiet ta’ rikreazzjoni u kultura b’31.9% u fit-trasport bi 23.9%.

Iċ-ċifri tal-NSO juru wkoll li waqt li kellu jiffaċċja dan it-tnaqqis kollu fl-ekonomija l-Gvern ra n-nefqa tiegħu tiżdied b’16.1%.

Share With: