“L-atleti mhumiex magni… irridu nibżgħu għas-saħħa mentali tagħhom” – Is-Segretarju Parlamentari Dr Clifton Grima

Miktub Minn Claudio Coleiro/ Ritratt Roger Azzopardi

Ta’ sikwit nisimgħu bl-effetti li qiegħda tħalli l-pandemija tal-Covid-19 fuq is-saħħa mentali tal-bniedem. Effetti fiżiċi u emozzjonali. Dawn l-effetti prattikament laqtu s-setturi kollha tas-soċjetà inkluż dak sportiv.

Dwar dan, Inewsmalta tkellmet mas-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Rikreazzjoni u l-Organizzazzjonijiet Volontarji Dr Clifton Grima fejn iddikjara li l-atleti tagħna jridu jingħataw l-għajnuna kollha neċessarja biex tkun imħarsa s-saħħa mentali tagħhom.

Huwa beda billi nnota kif il-pandemija qiegħda tħalli “ċertu għejja” mhux biss fuq l-atleti imma fuq il-popolazzjoni kollha. Qal li t-tibdil li ġabet magħha l-pandemija, wassal biex il-persuni joqogħdu aktar attenti anke fid-dawl tal-miżuri ġodda li tħabbru dan ix-xahar. 

“Il-moħħ qiegħed jaħseb il-ħin kollu. Għandek numru ta’ restrizzjonijiet li jaffettwaw is-saħħa mentali. Permezz ta’ SportMalta rajna li mmorru għal pjattaformi online,” żied jirrimarka s-Segretarju Parlamentari Grima. 

“Parti mill-ħidma koordinata bejn SportMalta u l-Kumitat Olimpiku Malti, li jħares lejn numru ta’ dixxiplini sportivi li forsi m’għandhomx dawk ir-riżorsi li għandhom assoċjazzjonijiet kbar, għandha tkun proprju s-saħħa mentali u l-preparazzjoni mentali tal-atleti.” 

Dr Grima qal li jemmen li fi kwalunkwe sitwazzjoni, jeħtieġ li l-preparazzjoni mentali jeħtieġ li tkun hemm, li wieħed ikun kunfidenti fih innifsu, mhux li jkun kunfidenti żżejjed, konxju ta’ dawk li huma r-responsabbiltajiet, l-objettivi u l-limitazzjonijiet tiegħu.

“Naħseb li dan għandu jsir, iktar u iktar issa fiż-żmien li qed ngħixu fih. Ejja nifhmu l-messaġġ tal-awtoritajiet tas-saħħa, li wieħed għandu jevita l-kuntatt b’imħabba u rispett lejn dawk għeżież tagħna.”

Is-Segretarju Parlamentari Grima tenna li r-realtà hi li rridu noqogħdu attenti li nagħtu l-għajnuna neċessarja lill-atleti tagħna biex fuq livell ta’ aspett ta’ saħħa mentali, nibżgħu għalihom. Huwa temm jenfasizza li l-atleti mhux magni u għaldaqstant anke huma jkollhom il-perjodi tat-tlajja’ u nżul tagħhom bħal kull impjegat ieħor.

Share With: