L-Assoċjazzjoni Maltija għall-Mediċina Pubblika tilqa’ l-miżuri u ttenni l-appoġġ lejn il-Prof. Gauci

L-Assoċjazzjoni Maltija għall-Mediċina Pubblika laqgħet il-miżuri mħabbra mill-Gvern u l-awtoritajiet tas-saħħa, liema miżuri tħabbru f’konferenza stampa nhar il-Ħamis li għadda. Il-miżuri kellhom għan li jindirizzaw aħjar it-trażżin tal-imxija tal-Covid-19, liema imxija fl-aħħar jiem refgħet rasha u l-każijiet żdiedu sew. L-assoċjazzjoni tenniet l-appoġġ tagħha lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci.

Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni qalet li l-miżuri mħabbrin għandhom jikkontrollaw l-infezzjonijiet tal-Coronavirus f’pajjiżna.

L-Assoċjazzjoni Maltija għall-Mediċina Pubblika appellat għall-koperazzjoni tal-pubbliku u biex il-miżuri jkunu osservati. Stqarrijet li l-infurzar ta’ dawn il-miżuri huwa importanti biex tkompli tiġi miġġielda l-pandemija.

L-Assoċjazzjoni tenniet l-appoġġ sħiħ lill-Professur Gauci u qalet li l-uffiċċju tagħha kien soġġett għall-attakk inġust waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret il-Ħamis.

L-Assoċjazzjoni Maltija għall-Mediċina Pubblika iddikjarat li l-Professur Charmaine Gauci u t-tim tagħha kienu strumentali biex jagħtu pariri importanti, b’deċiżjonijiet iebsa fi żmien ta’ sfida u f’ġieħ l-interess tas-saħħa pubblika ta’ pajjiżna.

Share With: