L-aħwa Degiorgio joġġezzjonaw li Vincent Muscat jagħti x-xhieda tiegħu fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

L-aħwa George u Alfred Degiorgio oġġezjonaw li Vincent Muscat, magħruf bħala l-Koħħu, jixhed kontrihom skont l-ordni tal-Qorti kriminali.

L-aħwa Degiorgio huma akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Muscat, li wkoll kien akkużat b’rabta mal-qtil ta’ Caruana Galizia, il-ġimgħa li għaddiet ammetta l-akkużi miġjubin kontrih u issa se jkun qed iservi bħala xhud fil-konfront taż-żewġt aħwa.

ilbieraħ l-Imħallef Edwina Grima ordnat lil Muscat biex jagħti x-xhieda tiegħu fil-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra l-aħwa Degiorgio. Madankollu l-avukat li qed jirrappreżenta lill-aħwa, William Cuschieri, llum oġġezzjona għall-ordni tal-Qorti u qal li l-Qorti krtiminali ma setgħetx tagħti tali ordni hekk kif ir-rekords tal-każ jinsabu għand il-maġistrat Claire Stafrace Zammit.

Cuschieri żied jgħid li aktar minn hekk l-aħwa ma ngħatawx id-dritt li jwieġbu għat-talba tal-Qorti iżda ġew biss informati dwar id-digriet tal-Imħallef Grima.

Madankollu d-deputat avukat ġenerali Philip Galea Farrugia rribatta li x-xhieda ta’ Muscat kienet ġiet ordnata u mhux awtorizzata minn qorti superjuri u għaldaqstant kwalunkwe lment kellu jiġi reġistrat quddiem dik il-Qorti.

Intant il-Qorti semgħet ix-xhieda ta’ espert tekniku, li qal li rekordings li l-avukat tal-aħwa Degiorgio qal li kienu inaċċessibbli setgħu faċilment jinfetħu fuq il-kompjuter personali tiegħu “sempliċiment b’double click”.

Il-każ mistenni jkompli l-ġimgħa li ġejja.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra, assistiti mid-Deputat Avukat Ġenerali Galea Farrugia.

L-avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia dehru parte civile, filwaqt li l-avukat Williem Cuschieri deher għall-aħwa Degiorgio.

Share With: