“Kulma rrid hu li nkun ħieles”

Immigrant salvat bejn sema u ilma jaċċetta stedina għall-inawgurazzjoni ta’ bastiment tas-salvataġġ

Minn Victor Vella

Alpha Jo Barry jista’ jħossu fortunat. Ftit sigħat biss wara li d-dgħajsa li kien fuqha kienet salvata, iċ-ċentru tal-Mediterran kien intlaqat minn maltempata. Kienu ma kienx l-ekwipaġġ tal-Alan Kurdi li wettaq is-salvataġġ, kienu din id-dgħajsa aktarx li kien jiġrilha bħal ħafna oħrajn tegħreq u ħadd ma jkun jaf biha.  Abbod il-bastiment, Alpha flimkien mal-immigranti l-oħra, kellu jgħaddi għadd ta’ jiem oħra fit-tensjoni. Jistenna li xi pajjiż Ewropew jaċċetta li jagħti port sigur. Għal diversi jiem, it-talbiet ta’ Sea Eye baqgħu mhux imwieġba. Tensjoni li waslet biex l-ekwipaġġ ikollu aktar ħin jitkellem ma’ dawk salvati. Sophie waħda minn dawk abbord, saret ħabiba ta’ Alpha, li ammirat fih l-ispirtu, l-ottimiżmu, l-umoriżmu u l-għerf tiegħu minkejja l-età żgħira li kellu. Hu qalli ‘kull ma rrid hu li nkun ħieles”. Fl-aħħar jiem Sophie u Alpha reġgħu iltaqgħu. Dan wara li Sophie, kelliema għal Sea Eye, talbitu jinawgura il-bastiment ġdid ta’ Sea Eye.

Sophie Weidenhiller qaltilna li ‘jien kont parti mill-ekwipaġġ fuq missjoni meta Alpha kien salvat. Dan kien f’Diċembru tas-sena 2018. Jien bqajt f’kuntatt miegħu u nibtet ħbiberija bejnietna. Jien kont responsabbli fid-deċiżjoni  li ttieħdet u jien nista’ ngħid li peress li kont ilni nafu għal sentejn, jien kont kunfidenti ħafna dwar id-deċiżjoni li jiġi u jinawgura il-bastiment il-ġdid ta’ Sea-Eye li se jintuża għas-salvataġġi fil-Mediterran. Jien għandi sfont fil-psikoloġija u ridt nimxi b’attenzjoni ta’ kif se nikkuntattja lil xi ħadd li ġie salvat u nagħmillu talba simili. Biss ngħid li ma kelli ebda dubju li Alpha kien se jkun kapaċi u ma kienx se jħossu skomdu f’din il-pożizzjoni. Ir-raġuni wara din id-deċiżjoni kienet li ridna ninvolvu persuni  li kienu direttament affettwati bix-xogħol tagħna. Ridna intom platform jekk huma kienu lesti li jitkellmu pubblikament.”

Tenfasizza li “lil hinn minn dan kien ta’ unur kbir għalina li wieħed minn dawk il-persuni li konna salvajna bit-tielet bastiment tagħha issa kien se jkun qed iniedi ir-raba’ bastiment ta’ salvataġġ.”

Sophie titkellem b’mod ċar ħafna dwar kif iltaqgħet ma’ Alpha Jo Barry.  Tibda biex tgħid li “xi drabi tiltaqa’ ma xi ħadd f’ċirkostanzi strambi u diffiċli. Imma hu f’dawn iċ-ċirkostanzi li jiżviluppa ħbiberiji kbar u qawwija.  Kien Diċembru tas-sena 2018 meta jien kont qed naħmi cookies tradizzjonali tal-Milied kif isiru fl-Awstrija. Dak il-ħin irċevejt telefonata mid-dipartiment tal-ekwipaġġ ta’ Sea Eye. Kien hemm membru tal-ekwipaġġ li kien ħassa il-parteċipazzjoni tiegħu fil-missjoni li kienet se tinbeda. Jien intlabt biex nidħol minfloku. Flok għaddej il-Milied niekol il-‘cookies’ mal-familja tiegħi, jien kont fi triqti lejn il-bastiment biex nibdew missjoni ta’ salvataġġi fil-Mediterran. Kont inkwetata ħafna kemm għax konna se ndumu ammont ta’ żmien fuq il-baħar kif ukoll minħabba l-Gwardji tal-Kosta Libjani li huma magħrufin għal operazzjonijiet vjolenti tagħhom”. 

Titjira lejn Spanja u ngħaqadt mal-Alan Kurdi

“Qbadt titjira lejn Spanja u ingħaqad ma’ grupp ta’ voluntieri abbord il-bastiment Alan Kurdi. Niftakar din il-missjoni tajjeb ħafna. Aktar minn hekk niftakar lin-nies. It-temp ma tantx kien sabiħ u l-baħar kien qawwi ħafna. Fil-vjaġġ tagħna, il-mewġ kagħbarna sew. Il-bastiment antik Alan Kurdi, baqa’ xorta isalpa. Iċċelebrajna il-Milied abbord il-bastiment b’ikla. Għalkemm iċċelebrajna ġo fina kollha kemm aħna konna qed inħossu xi ħaġa stramba. Kollha konna konxji li f’dak it-temp, dgħajjes żgħa ma kellhom ebda ċans li jsalvaw.”

Sophie tisħaq li “fit-tieni jum, wara li l-baħar kien ikkalma, jien ġejt imqajma mill-ħabib tiegħi Daniel. Ħabbatli fuq il-bieb u qalli ‘hemm dgħajsa’.  Qomt niġri mis-sodda u kont lesta f’temp ta’ ħames minuti.  L-ekwipaġġ li kien qed ifittex id-dgħajjes li jkunu f’diffikulta kien għadu kif lemaħ dgħajsa bi 17-il persuna fuqha. Ħafna minnhom kienu minuri. Ersaqna lejn id-dgħajsa bid-dinghies ta’ salvataġġ tagħna. Qassamna il-ġgieget ta’ salvataġġ u tellajna lil dawn il-persuni abbord l-Alan Kurdi. Fil-jiem ta’ wara it-temp mar għall-agħar.  Dik id-dgħajsa f’dak il-baħar li konna qed niffaċċjaw kienet tegħreq u kulħadd kien jispiċċa jitlef ħajtu. Il-familjari tagħhom ma kinux se jisimgħu bihom aktar.  Abbord, bdejna naraw xi bżonnijiet kien hemm għal dawn il-persuni salvati. Rajna għandhom bżonn mediċini jew kura medika, qassamna ikel u ilma. Saru kuntatti maċ-ċentri ta’ kordinament tas-salvataġġi Ewropej fejn tlabna li nidħlu f’port sigur iżda t-talbiet tagħna baqgħu mhux imwieġba għal diversi jiem.  Minħabba dan spiċċajna għaddejna ħafna ħin ma’ dawn in-nies salvati. Sirna nafu lil xulxin aktar.  Xi wħud tkellmu u riedu jaqsmu l-istorja tagħhom. Oħrajn kienu trawmatizzati. Qsamna bejnietna mumenti prezzjużi li jien nibqa’ ngħożż f’qalbi għal dejjem”. 

“Kien f’dawn iċ-ċirkostanzi li iltajna mal-ħabib tiegħi Alpha. Mill-ewwel ġurnata ammirajt l-ispirtu, l-ottimiżmu, l-umoriżmu u l-għerf tiegħu minkejja l-età żgħira li kellu. Hu qalli ‘kull ma rrid hu li nkun ħieles.” Illum jien kuntenta ħafna li nsejjaħ lil dan ir-raġel ħabib tiegħi. Kuntenta ħafna li Alpha aċċetta li jinvawgura il-bastiment ta’ salvataġġ. 

Konna kuntenti ħafna li Alpha aċċetta

Sophie qaltilna li “konna kuntenti ħafna li Alpha aċċetta l-istedina tagħna. Jien kont responsabbli personali  biex nakkumpanjah u nagħmel din l-esperjenza waħda memorabbli għalih. Infurmani li kienet xi ħaġa ta’ sodisfazzjon kbir għalih li jieħu pati f’din attività. Kien ta’ sodisfazzjon ukoll għalih li reġa’ iltaqa’ magħna. Li naraw li persuna bħal Alpha, li bħal ħafna oħrajn kien salvat minn nofs ta’ baħar, juri appoġġ għax-xogħol li nwettqu aħna. Dan juri ukoll li qed nagħmlu xogħlna sew.”

“Iffaċċjajna spejjeż ġodda minħabba regolamenti ġodda li saru… fir-rebbiegħa nibdew il-missjoni”

Fil-kummenti tagħha hi saħqet li “minħabba il-pandemija kellna niffaċċjaw diversi kwistjonijiet u diffikultajiet. Fost dawn kien hemm dawk marbutin mat-tnedhija tal-bastiment mit-tarzna u dan minħabba li kellhom isiru xogħlijiet addizzjonali fuq l-istess bastiment minħabba regoalmenti ġodda li qed japplikaw għal dawn it-tip ta’ bastimenti. Kellna ukoll niffaċċja spejjeż addizzjonali minħabba dawn l-istess regolamenti. Biss is-Sea Eye 4 se titlaq fuq il-missjoni tagħna ta’ salvataġġi fil-Mediterran fir-Rebbiegħa. Għaddejja ħidma kbira biex il-bastiment jibda jopera kemm jista’ jkun malajr.

L-appelli tagħna lill-UE għadhom l-istess

Nistaqsuha dwar l-appelli tagħhom lill-Unjoni Ewropea fil-bidu ta’ missjoni ta’ salvataġġi. Tisħaq li “l-appelli tagħna jibqgħu l-istess. Jibqgħu dawk li kienu fl-aħħar snin.  Kull bastiment li jsalva l-immigranti għandu dritt legali għal post sigur wara li jkun wettaq salvataġġ. L-organizazzjoni Sea Watch għal darba oħra wettqet ħidma kbira u salvat 363 persuna fl-aħħar jiem, liema persuni kienu f’periklu. Dawn il-persuni salvati kienu għaddejjin minn infern sħiħ.  Meta bastiment idum biex jingħata port sigur, ma tkun xejn għajr negliġenza kbira. Turi ukoll li jkunu qed jiġu injorati id-drittijiet umani ta’ dawk il-persuni li jkunu jinħtieġu l-għajnuna”. 

Jitkellem Alpha

“Irrid nirringrazzja lil Sea u lil Alan Kurdi tas-salvataġġ.  Kieku ma sabuniex huma kieku aħna m’aħniex ħajjin. Niftakar li kienet ġejja maltempata u żgur  li dik id-dgħajsa żgħira ma kinitx se tvinċi. Kuntent li issa Sea Eye se jkollhom bastiment akbar għas-salvataġġi.  Naf xi tfisser tkun fuq il-baħar f’dgħajsa żgħira. Esperjenza terribbli. Nixtieq insaqsi lill-politikanti Ġermaniżi u lill-Unjoni Ewropea biex jagħmlu xi ħaġa dwar il-Libja. Dawk li hemm il-Libja llum qed jipprovaw jaħarbu. Dan hu l-uniku mod li għandhom għal libertà. Hemm minnhom ilhom hemm sa minn żmien Gaddafi. Issa m’hemmx President u lilna jarawna bħala ż-żibel. L-uniku triq hi li titlaq mil-Libja. Ma tistax tmur lura imma trid tkompli bil-vjaġġ. Il-Libja hi pjaneta differenti. Nista’ nitkellem dwar dan jien.  Dawk li jsalvaw mhux kriminali”, jgħid Alpha.

Share With: