“Kliem żejjed minn rapportaġġ dettaljat ma jagħmilx ġid”

Il-psikjatra u Kap tal-Crisis Resolution Malta, Dr Mark Xuereb, dwar rapporti li nħarġu f’sezzjoni tal-midja

Minn Carmen Cachia

Kmieni din il-ġimgħa ħareġ rapport fuq sezzjonijiet midja lokali  li fih ingħad li l-Ministru tal-Edukazzjoni, Justyne Caruana, iddaħħlet l-Isptar Mater Dei u dan ixxandar fil-ħin li din kienet għadha rikoverata għall-osservazzjoni. Minħabba dak li ġie allegat dwar id-dettalji ta’ saħħet din il-Ministru, bdew ħafna spekulazzjonijiet, ġudizzji u kummenti li juru nuqqas rispett għall-privatezza, kif ukoll etika ġurnalistika. Dan is-sit kellmet mal-psikjatra Dr Mark Xuereb fejn saħaq li  għandna nieħdu ħsieb lin-nies fi rwoli pubbliċi għax għandhom id-dritt tal-privatezza u s-solidarjetà tagħna, kif ukoll li bħala poplu għandna nirrikonoxxu u nirrispettaw il-ħidma tal-politiċi, huma min huma, għax kollha jaħdmu u jissagrifikaw biex pajjiżna jkun wieħed aħjar.

“Qiegħed nara ħafna nies fil-kamp pubbliku li qegħdin ikunu eżawriti. Hemm ħafna pressjoni u din m’hix biss fuq il-frontliners, imma anke fuq nies minn kull kamp fosthom dak politiku, nies tal-Knisja u mexxejja ta’ diversi setturi. L-isbaħ rigal li nistgħu nagħtuhom huwa li nirrispettaw il-ħin privat tagħhom u rikonoxximent xieraq għax-xogħol kollu li jagħmlu,” beda Dr Xuereb.

Il-psikjatra spjega li min huwa fis-settur pubbliku, barra li huwa iżolat u fl-istess ħin kulħadd irid minnu, huwa aktar suxxettibbli għal pressjoni u għal kritika. “Irridu nkunu aħna responsabbli biex ma niktbux fuq il-midja soċjali għax, mingħajr ma rridu, nistgħu nkunu kaġun ta’ self harm, suwiċidju u/jew li tiżdied l-istigma u taboo. Dawn żgur ma jagħmlu ebda ġid. Dawn in-nies m’għandhomx bżonn li niġġudikawhom, iżda li nħobbuhom, nirrispettawhom u s-skiet biex ikunu jistgħu jkomplu fir-rwol tagħhom u jagħmlu aktar ġid fil-pajjiż. In-nies bi rwoli pubbliċi jisħoqqqilhom ir-rispett tagħna,” qal il-Kap tal-Crisis Resolution Malta.  Tenna li mhux tajjeb li wieħed jasal għal konklużjonijiet jew li jkun hemm diċeriji. 

Aktar ħsara milli ġid

“Għalkemm m’hiex etika professjonali li wieħed jidħol fil-każi speċifiċi għax m’għandix id-dettalji kollha f’idejja, rapportaġġ dettaljat  jista’ jikkawża ħsara milli ġid u dan jista’ jagħmlu fuq diversi livelli,” spjega Dr Xuereb. 

Tenna li “għalhekk lili tħassibni ħafna meta jkun hemm dan it-tip ta’ rapportaġġ dettaljat. Kliem li forsi m’għandux għalfejn jinkiteb. Naturalment il-ġurnalisti Maltin huma nies responsabbli, ta’ etika u ta’ professjonalità kbira u nieħu gost meta jitkellmu fuq ċerti issues skont il-linji gwida u fuq informazzjoni mistħarrġa.  

Fakkar li meta persuna tkun trid tneħħi l-uġigħ, hija karba għall-għajnuna u aħna bħala nazzjon, flimkien mal-professjonisti, fid-dmir li ngħinu lil dawn in-nies. Importanti wkoll li f’dawn l-artikli jkun hemm numru ta’ kuntatt speċjalizzat f’dawn il-kriżijiet ta’ suwiċidju u ta’ self harm, kif ukoll dettalji tal-website, Facebook jew kuntatti oħra disponibbli fuq il-midja soċjali. 

Fuq din it-tema, il-Crisis Resolution Malta f’dawn l-aħħar ġimgħat ħejjiet l-App “Kriżi” u din saret appuntu għal dan l-iskop. Permezz ta’ din l-App, persuna fi kriżi tista’ tiċċattja b’mod anonimu u tista’ wkoll iċċempel u tiġi f’kuntatt ma’ persuni professjonali għall-għajnuna li jkollha bżonn. 

Dmir il-ġurnalisti

Dr Xuereb qalilna li r-riċerka turina fiċ-ċar li dettalji żejda jistgħu jkunu kawża ta’ rata għola ta’ każi speċjalment jekk din il-persuna għandha rwol pubbliku. “Il-ġurnalisti għandhom d-dmir li jirrapportaw storja veritjiera biex iwasslu u jinfurmaw lill-poplu li għandu dritt ukoll li jkun jaf x’inhuwa jiġri fil-pajjiż. Fl-istess ħin, però, għandhom obbligu etiku professjonali u morali biex jirrapportaw skont il-linji gwida li joħorġu l-entitajiet mondjali,” wissa l-psikjatra.

Filwaqt li rringrazzja lill-ġurnalisti kollha Maltin li dejjem jaħdmu bir-reqqa biex iżommu standard ta’ etika professjonali, huwa qal li dejjem sab kollaborazzjoni sħiħa mill-kollegi tiegħu. Fakkar kemm il-ġurnalisti huma importanti għax jagħtu vuċi lil min m’għandux u huma l-leħen ta’ min qiegħed ibati fis-silenzju. 

Il-persuna tista’ tkun imweġġa’ u magħha hemm il-ġenituri u l-qraba tagħhom li jkun mweġġa’ wkoll. Dawn jgħaddu minn martirju għax dak li jinkiteb se jibqa’ bil-konsegwenza li jibqgħu ttimbrati u stigmatizzati.

“Hija ġerħa kbira u bla bżonn. Dan ir-rapportaġġ żejjed jista’ sfortunatament ikompli jkattar il-problemi. Ħadd m’huwa perfett, ħadd m’għandu soluzzjoni ta’ kollox u meta persuna tkun taħt pressjoni kbira u tibda tegħreq, l-agħar ħaġa li wieħed jista’ jagħtiha hija majnata biex tibqa’ nieżla. L-appell tiegħi huwa biex ma niġġudikawx filwaqt li jkun hemm rapportaġġ tajjeb u għaqli. Dawn iridu jkunu skont il-linji gwida u importanti li jekk hemm xi ħadd hemm barra li jħossu mweġġa’ jew influwenzat b’dan ir-rapportaġġ, għandu jitlob għall-għajnuna,” kompla Dr Xuereb.

“Ma nżidux fattur ta’ riskju ieħor”

Huwa qal bħalissa għandna diversi sfidi minħabba l-pandemija tal-Covid-19 fosthom is-saħħa, l-iżolazzjoni u problemi finanzjarji. “Dawn waħidhom huma biżżejjed. Ma nkunux aħna li nżidu fattur ta’ riskju ieħor li jista’ jikkawża problemi oħra. Xi drabi l-atti jistgħu jkunu impulsivi, oħrajn ippjanati, mentri oħrajn jistgħu jkunu aggravati mill-alkoħol, drogi, djun, dipressjoni u anke minn pressjoni politika fejn wieħed irid ikun figura pubblika”. 

Dr Xuereb fakkar li dawn in-nies, ikunu mil-liema kulur politiku jkunu, qegħdin jippruvaw jagħmlu l-almu tagħhom u li perfezzjoni f’din id-dinja ma teżistix. “Jiena m’inix ngħid li m’għandux ikun hemm il-kors tal-ġustizzja, jew li ma jkunx ikun hemm inkjesti jew rapportaġġ, imma, bħalma aħna għandna l-obbligu li jkollna l-informazzjoni kollha, min iwassal l-informazzjoni għandu d-dmir li jkollu l-fatti kollha u li jimxi skont il-linji gwida,” reġa’ tenna l-psikjatra. Huwa żied jgħid li jkun aħjar kelma inqas milli waħda żejda. 

Il-Kap tal-Crisis Team qal li dawn in-nies li jħossuhom aktar iżolati għax, minħabba li huma nies fis-settur pubbliku, jaħsbu li jridu jkunu b’saħħithom u jaħbu kollox. Sostna li dan m’huwiex il-każ għax ir-riċerka turi l-oppost – meta persuna titlob għall-għajnuna, tkun qiegħda turi ħafna kuraġġ u min għandu ħafna kuraġġ jistħoqqlu rispett, dinjità u solidarjetà. Hemm bżonn nagħtuhom il-wens tagħna u mhux niġġudikawhom. Għandna bżonn nagħtuhom kliem sabiħ u ta’ għajnuna. Kliem ta’ tama u mhux ta’ kundanna. 

“Ma nkunux aħna li bil-midja soċjali ngħaddu ċerti kummenti u spekulazzjonijiet sfrenati li bihom niftħu aktar dik il-ferita u nitfgħu l-melħ fuqha. Hemm nies li f’daqqa waħda jkunu esposti għall-iskrutinju tal-midja soċjali u jispiċċaw bi pressjoni kbira fuqhom. Irridu nagħmlu distinzjoni bejn l-aġir tan-nies u bejn forsi l-iżball, li kulħadd jagħmel, kif ukoll il-persuna intima u personali. Kulħadd għandu d-dritt għall-privatezza tiegħu u rridu ngħinuhom billi ma niġġudikawx, ma nikkritikawx u jkun hemm rapportaġġ responsabbli,” kompla dan il-psikjatra.

Nies li jegħlbu dawn il-kriżijiet huma ta’ eżempju

“Kien hemm ħafna nies f’kull qasam u livell soċjali li għaddew minn kriżi. Però dan ma jfissirx li huma “imġienen”, kelma li nobgħod nuża, jew huma b’xi mod jew ieħor inqas kapaċi min-nies oħrajn li jwettqu dmirhom. Kulħadd jista’ jgħaddi minn perjodu ħażin, imma dan ma jfissirx li se jkun hemm dannu psikoloġiku permanenti”. 

Il-Kap tal-Crisis Team enfasizza li r-riċerka pjuttost turi li n-nies li jegħlbu dawn il-kriżijiet huma ta’ eżempju għal ħaddieħor,  u li jgħaddu messaġġ pożittiv għall-poplu. Fost dawn hemm studju li ħareġ ix-xahar li għadda fl-Awstrija fuq il-“British Journal of Psychiatry” fejn juri li avolja persuna kellha dawn il-ħsibijiet jew dawn l-atti, xorta rnexxielha tegħlibhom.

Dr Mark Xuereb temm jgħid li persuna tista’ toħroġ mill-kriżijiet serji bl-għajnuna professjonali u bl-imħabba u mhux bid-diċeriji, bl-ispekulazzjonijiet jew bi kliem żejjed minn rapportaġġ iddettaljat li assolutament qatt m’għandu jkun miktub.

Share With: