Klabb apposta għal persuni famużi li jmutu fl-età ta’ 27 sena

L-anniversarju mill-mewt ta’ Kurt Cobain jerġa’ jfakkarna f’destin ikrah għal għadd ta’ artisti… dak li jmutu proprju f’din l-età

Miktub minn Carmen Cachia

Fi-bidu tax-xahar id-dieħel, eżattament nhar il-5 ta’ April, jaħbat l-anniversarju mill-mewt traġika ta’ persunaġġ famuż mix-xena mużikali, Kurt Cobain. Dan il-kantant miet fl-1994 minħabba ġrieħi f’rasu li jingħad li kkawża huwa stess minn arma tan-nar. Il-mewt ta’ dan l-artist kbir seħħet meta kellu 27 sena biss. Bħalu u tul is-snin, għadd ta’ artisti ta’ fama mondjali wkoll ma laħqux għalqu t-28 sena u dan il-fenomenu mhux ippruvat mix-xjenza, iżda fattwali, wassal biex jinħoloq l-hemm imsejjaħ “27 Club”.

Fost l-artisti fit-27 Club insibu lil Jimi Hendrix, Brian Jones, Janis Joplin, Jim Morrison u Amy Winehouse. Fil-lista ta’ dan il-klabb ta’ mwiet bikrija u ħafna drabi f’ċirkostanzi traġiċi, insibu l-aktar mużiċisti popolari, artisti u atturi li kollha mietu ħesrem meta kellhom 27 sena.

Minkejja li l-istatistika ta’ dawn l-imwiet f’età speċifika m’hiex ibbażata fuq ix-xjenza, dan il-klabb huwa kkonsidrata bħala fenomenu kulturali li fih huma membri biss dawk in-nies famuża li jmutu ta’ 27 sena. 27 Club jinkludi mużiċisti, artisti, atturi u atleti li mietu konsegwenza ta’ abbuż mid-droga u l-alkoħol, oħrajn inqatlu jew neħħew ħajjithom b’idejhom huma stess, kif ukoll hemm min miet f’aċċidenti tat-trafffiku. 

L-imwiet ta’ għadd ta’ mużiċisti bejn l-1969 u l-1971 wasslu biex tinbet l-idea li l-artisti huma f’riskju akbar li jmutu f’din l-età. F’dan ir-rigward, studju mill-BMJ sostna li, “il-fama għandha mnejn iżżid ir-riskju ta’ mewt fost il-mużiċisti, iżda r-riskju m’huwiex limitat għall-età ta’ 27 sena”.

Dan il-klabb tal-mewt jissemma’ f’ħafna artikli tal-mużika, kemm fuq magazines, journals u anke fuq gazzetti. Barra minnhekk, tul is-snin bdew jittellgħu għadd ta’ esebizzjonijiet dwar din it-tema kif ukoll inkitbu kotba, saru films u anke produzzjonijiet teatrali bit-tema tal-“Club 27”.

“Għidtlu ma jingħaqadx ma’ dak il-klabb stupidu…”

Minħabba li f’perjodu qasir ta’ tliet snin mietu erba’ artisti famużi u kollha kellhom 27 sena, kien hemm min innota din “it-tendenza misterjuża”, imma kienet il-mewta traġika ta’ Kurt Cobain fl-istess età, li tat bidu għal għajdu, teoriji u t-tnedija tal-“27 Club”. L-aktar persuna li tmur lura fis-snin f’din il-lista huwa l-mużiċist Robert Johnson li ħalla din id-dinja fl-1938.

Kienu proprju l-mezzi tax-xandir u intervista li saret ma’ omm Cobain, Wendy Fradenburg Cobain O’Connor, li waslu għat-teorija li hemm xi ħaġa stramba fil-fatt li ħafna persuni famużi jmutu ta’ 27 sena. Fl-intervista ma’ “The Daily World” omm Cobain qalet li, “issa telaq biex jingħaqad ma’ dak il-klabb stupidu. Jien għidtlu biex ma jingħaqadx magħhom”. Hawnhekk hija bdiet tirreferi għal Hendrix, Joplin u Morrison, li wkoll mietu fl-istess età ta’ binha.

Min-naħa l-oħra hemm min jemmen li omm Cobain bdiet tirreferi għall-mewt ta’ membri oħra fil-familja tagħhom, fosthom żewġ zijjiet, li wkoll temmu ħajjithom b’idejhom. Skont teoriji oħra, jingħad li kien hemm min anke ħaseb li Kurt Cobain qatel lilu nnifsu apposta biex jitniżżel fil-lista tal-membri tat-27 Club.

Min-naħa l-oħra, minn investigazzjonijiet li saru huwa ssuspettat li Kurt Cobain ma kienx temm ħajtu b’idejh, iżda kien vittma ta’ omiċidju. Is-suspetti għal dan id-delitt kienu waqgħu fuq il-mara li kellu qabel miet – Courtney Love. Din il-koppja, qabel il-mewta traġika ta’ Cobain, kienu għaddejjin minn problemi kbar tant li jingħad li kienu se jinfirdu. Love, dejjem ċaħdet l-involviment tagħha u dejjem sostniet li żewġha kellu ħsibijiet suwiċida. Jibqa’ l-fatt, li ġara x’ġara, il-mewta traġika ta’ dan il-mużiċista ta’ talent kbir, seħħet fl-età “misħuta” ta’ 27 sena. 

Fl-2011, 17-il sena wara l-mewt ta’ Cobain, il-kantanta famuża u maħbuba Amy Winehouse wkoll mietet traġikament fl-età ta’ 27 sena. L-aħbar tal-mewt tagħha nxterdet mal-midja kollha u reġgħu bdew spekulazzjonijiet li ċerti artisti fid-destin tagħhom għandhom miktub li jmutu f’din l-età partikolari. Winehouse fil-fatt, tliet snin qabel mietet, kienet diġà stqarret li kienet qiegħda tibża’ li se tmut meta tagħlaq is-27 sena.

Kanzunetti, video games u comics…

Dawn il-persuni famużi membri ta’ 27 Club, minkejja l-ħajja qasira tagħhom, ħallew impatt kbir fuq il-ġenerazzjonijiet ta’ warajhom. Fosthom insibu għadd ta’ artisti mix-xena tal-ispettaklu u anke stilel mill-areni sportivi. Ir-Rolling Stone żiedu fil-lista ta’ dan il-klabb lill-attur famuż Jonathan Brandis li għamel suwiċidju fl-2003 mentri Anton Yelchin, li kien mużiċist imma kien aktar magħruf bħala attur tal-films, tniżżel fil-lista fl-2016. Jean-Michel Basquiat li, minkejja li kien għadu kemm daħal fix-xena mużikali, kien diġà magħruf bħala pittur u artist tal-graffiti, sar membru wkoll fl-istess sena.

Tul is-snin, dan il-klabb sar tema popolari fil-mużika u dawn huma l-kanzunetti dwar “27 Club” jew li jagħmlu referenza għalih – “27 Forever” minn Eric Burdon; “27 Club” mill-grupp Letlive; “The Twenty Seven Club” ta’ Magenta; “27” minn Fall Out Boy; “Brand Name” minn Mac Miller;  “Colours” minn Halsey; “All You Can Do” mir-rapper Watsky;  “27 Club” minn Ivy Levan; “Uno” minn Rex Orange County; “27 Club” minn Adore Delano; “Legends” ta’ Juice WRLD; u “Rock and Roll Heaven” ta’ The Pretty Reckless.

Għall-entużjasti tal-video games, fl-2016 ħarġet il-logħba “Hitman” li f’parti intitolata “27 Club” hemm it-tema tal-qtil ta’ mużiċist li jkun qiegħed jiċċelebra għeluq is-27 sena tiegħu.

Il-cartoonist Luke McGarry ta’ bidu għas-serje tal-comics “The 27 Club” għal MAD Magazine li l-ewwel edizzjoni tiegħu ħarġet fl-2018. L-istorja rrakkontata f’dan il-comic hija dik li Jimi Hendrix, Janis Joplin, Brian Jones, Robert Johnson, Amy Winehouse, Jim Morrison u Kurt Cobain huma persunaġġi famużi b’poteri paranormali li jinżlu fid-dinja biex isalvawna. 

Artisti famużi fil-lista ta’ “27 Club”. Total ta’ 75 artisti li mietu fl-età ta’ 27 sena u saru membri ta’ dan il-klabb

* Kurt Cobain – Dan il-membru tal-grupp famuż Nirvana, kien l-eroj tal-Generation X iżda l-fama li kiseb, kif ukoll l-attenzjoni kbira li kellu mill-ammiraturi, kienu għamlulu ħafna pressjoni bil-konsegwenza li spiċċa maqbud mill-vizzju tad-droga u mid-dipressjoni. Iż-żwieġ mifni bil-problemi li kellu ma’ Courtney Love kompla jkisser lil dan l-artist sakemm fir-rebbiegħa tal-1994, huwa allegatament temm ħajtu bi sparatura f’rasu.

* Jimi Hendrix – Il-mod uniku kif kien idoqq il-kitarra dan l-artist għenu biex kiseb fama mondjali tant li kien ikkonsidrat bħala l-aqwa gitarrist fl-istorja tal-mużika Rock. Fl-1966 Hendrix ġie nnotat minn Linda Keith fir-Renju Unit u l-karriera tiegħu bdiet taqbad ritmu sod meta għaqqad il-grupp tiegħu – il-“Jimi Hendrix Experience”. Is-suċċess tiegħu gawdih biss għal erba’ snin. L-aħħar u l-aqwa xogħol li għamel kienu – l-album “Electric Lady” (1968), li tela’ fl-ewwel post tal-klassifika mużikali u l-parteċipazzjoni tiegħu f’Woodstock bil-kanzunetta “Star-Spangled Banner”. Hendrix miet fl-1970 kawża ta’ overdose.

* Brian Jones – Il-fundatur tal-grupp famuż Rolling Stones kien iħobb il-mużika Blues. Is-seba’ snin li għamel mar-Rolling Stones kienu kruċjali biex il-grupp isir stabbilit iżda l-ġlied li kien ikollu mal-manaġer ta bidu għat-tmiem ta’ dan il-leġġenda. Minħabba li Jones kien jabbuża ħafna mid-drogi u mill-alkoħol, l-imġieba tiegħu saret instabbli bil-konsegwenza li f’Ġunju tal-1969, huwa tkeċċa mill-grupp. Ftit ġimgħat wara Jones instabt mejjet fil-pixxina tiegħu.

* Janis Joplin – Inspirata mill-artisti tal-Blues Ma Rainey u Bessie Smith, Janis Joplin saret famuża għall-ispettakli li kienet ittella’ u saret leġġenda għall-vuċi unika tagħha. Wara li kisbet suċċess bħala l-kantanta ewlenija tal-grupp “Big Brother” u fl-1967 kantat fil-Monterey Pop Festival, hija ddeċidiet li tibda karriera bħala kantanta solo. Hawnhekk Joplin telgħet fil-quċċata tal-klassifika mużikali b’diski bħal “Me and Bobby McGee”, “Piece of My Heart” u “Mercedes Benz”. Wara snin ta’ abbuż mid-droga, din l-artista mietet kawża ta’ overdose aċċidentali fl-1970 .

* Jim Morrison – Dan il-kantant, awtur tal-lirika u poeta, kellu vuċi partikolari li kienet isaħħar lill-udjenza. Barra minnhekk, il-lirika tiegħu kienet ukoll ta’ ispirazzjoni għal ħafna nies. Flimkien ma’ Ray Manzarek, Morrison waqqaf il-grupp “The Doors” li kiseb fama mondjali b’sitt albums li kienu jinkludu kanzunetti bħal “Light My Fire”, “People Are Strange” u “Hello, I Love You”. Morrison instab mejjet fl-appartament tiegħu f’Pariġi fit-3 ta’ Lulju, 1971, sentejn eżatti wara Jones. Il-kawża tal-mewt tiegħu għadha mhix magħrufa.

* Amy Winehouse – Imrobbija f’familja li kienu jħobbu ħafna l-mużika Jazz, Winehouse kellha biss 19-il sena meta bdiet il-karriera tagħha fejn iddebuttat bl-album “Frank”. B’taħlita ta’ mużika Soul, R&B, Reggae u Jazz, it-talent tagħha wassalha biex tipproduċi “Back to Black” li rebbaħha l-Grammy Award. Din l-artista ma damitx wisq tgawdi s-suċċess li tant ħadmet għalih minħabba li kienet tabbuża ħafna mill-alkoħol u mietet fl-2011. Sfortunatament l-abbuż tagħha lejn l-aħħar ta’ ħajjitha kien ittimbraha bħala sakranazza b’imġieba mhux f’postha. Din l-artista tant kienet saret ivvizzjata li kellha tħassar xi spettakli minħabba li ma kinitx tkun f’sensieha biżżejjed għal fuq il-palk. Ftit qabel mietet Winehouse kienet waqfet mix-xogħol bil-għan li tirrijabilita ruħha u tipprova terġa’ taqbad it-triq it-tajba. Sfortunatament, ma rnexxielhiex. 

Share With: