“Kieku kont Prim Ministru nagħti maħfra presidenzjali lill-Koħħu” – Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, f’intervista ma’ Chris Peregin, Kap Editur ta’ Lovin Malta, beda biex saħaq li l-persuni li tressqu l-Qorti l-bieraħ u ntbagħtu l-ħabs għad iridu jgħaddu minn proċess fil-qorti u se tkun il-Qorti li se tiddeċiedi jekk humiex ħatja jew le. Grech, filwaqt li enfasizza li ma jrid lill-ebda persuna taħrab mir-responsabbiltajiet tal-affarijiet li tagħmel, sosnta li kieku kien Prim Ministru huwa, bla dubju, jagħti maħfra presidenzjali lil Koħħu għal informazzjoni li għandu x’jagħti lill-Kummissarju tal-Pulizija.

Bernard Grech, filwaqt li faħħar ix-xogħol tal-Maġistratura u tal-Pulizija li komplew jinvestigaw wara li saret l-inkjesta, talab biex kulħadd jibqa’ jsostnihom ħalli jkomplu jagħmlu xogħolhom u jsibu l-kuraġġ meħtieġ biex iwettqu dmirijiethom .

Filwaqt li jemmen li m’għandux ikun il-Prim Ministru li jagħmel xi ħaġa biex l-istituzzjonijiet jaħdmu meta dawn diġà għandhom il-poter mil-liġi, il-Kap tal-Oppożizzjoni kkundanna kull korruzzjoni u ħasil ta’ flus li “ħamġu isem pajjiżna”. 

Mistoqsi dwar għadd ta’ persuni viċin il-PN u dwar l-investigazzjoni li qiegħda ssir dwar allegati frodi bejn it-Times of Malta u l-Malta Enterprise, Grech sostna li huwa diġà ħa passi billi tkellem ma’ Mario DeMarco u bħala riżultat il-Kap tal-PN aċċetta l-ispjegazzjoni tiegħu. 

Mistoqsi jekk il-kelma ta’ DeMarco hiex biżżejjed għalih qal Grech li, “le mhux biżżejjed, iżda hemm fatti stabbiliti u m’għandix dubju tant li se joqgħod f’dak li qalli huwa. Il-mument li joħorġ li nies fil-partit naqsu, jien nieħu passi u naġixxi skont il-fatti”. 

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li bħala Gvern jekk jitla’ fl-elezzjoni ġenerali li daqt tasal, se jaħdem biex il-poplu jgħix f’pajjiż normali u kburi b’pajjiżu fejn se titkompla l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u jagħmel riġenerazzjoni ekonomika b’mod speċjali dik favur l-ambjent li minnha jrid li joħorġu anke l-impjiegi.

Huwa qal li jrid juża l-flus li jidħlu mill-iskema taċ-ċittadinanza biex ikun hemm aktar kumpaniji Start Ups u investiment fil-qasam tad-diġilitizzazzjoni. Grech qal li l-aħjar riżorsa tal-pajjiż huma l-istudenti u fuq dan il-kuntest irid li Malta ssir hub edukattiv issa li hemm “vojt” għax ir-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni Ewropea. 

Fost affarijiet oħra li semma’ li se jagħmel jekk jingħata t-tmun tal-pajjiż, Grech irid li jara żvilupp fil-qasam marittimu, hub ta’ freight logistics u ħidma biex l-industrija u n-negozji jimxu ‘l quddiem. Huwa jrid ukoll li jsir tibdil fl-istatut tal-whistleblowers,  kif jaħdem il-Parlament Malti u li fil-pajjiż ikun jemm xandir aktar indipendenti.

Rigward l-abort, l-ewtansja u l-użu tal-kannabis għal finijiet ta’ rikrejazzjoni, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li fuq dawn is-suġġetti huma lesti li jagħmlu diskussjoni miftuħa iżda fakkar li, bħala prinċipju, il-Partit Nazzjonalista huwa favur il-ħajja.

Share With: