Juventus eliminati mill-UEFA Champions League

Goal fil-115-il minuta minn Sergio Oliveira xxokkja lil Juventus u ddeċieda l-partita biex tefa’ lil Porto fl-kwarti-finali bil-goals away jgħoddu doppju f’logħba drammatika li marret fil-ħin barrani u kompliet bl-istess andament sal-aħħar minuta.

Kien l-istess Oliveira li fetaħ l-iskor minn penalty, fid-19-il minunta wara li Mehdi Terami ġie ffawljat minn Merih Demiral fil-kaxxa. Iżda Federico Chiesa (49, 63) permezz ta’ doppjetta filwaqt li bejn iż-żewġ goals ġie mkeċċi l-attakkant ta’ Porto Taremi (54) għat-tieni karta safra wara li xxuttja l-ballun waqt li l-logħob kien wieqaf.

Bl-iskor ta’ 2-1, il-partita kellha tmur fil-ħin barrani minħabba li l-aggregate kien dak ta’ 3-3.

Iżda kontra kull mistenni, kienu Porto li skorjaw permezz ta’ Sergio Oliveira, ħames minuti mit-tmiem, u minkejja li żewġ minuti wara, Adrien Rabiot skorja l-goal tar-rebħa għall-Bianconeri għal skor ta’ 3-2, il-Portugiżi kkwalifikaw bir-regola tal-goal away meta l-aggregate kien dak ta’ 4-4.

Borussia Dortmund u Sevilla spiċċaw fi draw ta’ 2-2 għal aggregate ta’ 5-4. Għalihom skorja doppjetta Erling Haaland (35, 54 pen) filwaqt li għal Sevilla wieġeb Youssef En-Nesyri (68 pen, 90).

Interessanti huwa l-fatt li mill-erba’ timijiet li kienu mpenjati fil-logħba tat-Tlieta, kull team kellu player li skorja doppjetta.  

Share With: