Jiżdied l-infurzar … Illum il-Ħadd diġà bdew ir-rondi f’postijiet iffrekwentati

Ilbieraħ il-Pulizija ħarrket diversi persuni li nqabdu jiksru l-miżuri intenzjonati li jipprevjenu t-tixrid tal-virus tal-Covid-19. Fost dawn il-persuni kien hemm dawk li ħarġu jiċċelebraw ir-rebħa ta’ Ħamrun Spartans kif ukoll numru ta’ persuni li kienu fi spazji pubbliċi bħal promenades u li kienu fi gruppi akbar minn kif indikat mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Matul l-aħħar jiem intensifikat il-ħidma t’infurzar madwar il-gżejjer Maltin, bil-forzi tal-ordni, uffiċċjali mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u spetturi tas-Sanità għamlu diversi rondi madwar il-pajjiż kollu fosthom f’residenzi privati.

Fl-istqarrija l-Pulizija qalet ukoll li dawn ir-rondi diġà bdew matul il-ġurnata tal-Ħadd fosthom f’postijiet fejn isiru l-picnics u postijiet oħra li jiffrekwentaw in-nies.

Il-Pulizija qalet li jekk xi ħadd jara min jikser id-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa b’rabta mal-imxija, wieħed jista’ jirrapporta billi jċempel fuq 21 224 001.

Share With: