Jitlaqqmu bit-tieni doża r-residenti u l-impjegati fid-djar tal-anzjani kollha

Tlaqqmu bit-tieni doża l-impjegati u r-residenti fid-djar tal-anzjani kollha. Dan tħabbar mill-Ministru għall-anzjani u l-anzjanità attiva Michael Farrugia fl-għeluq tal-100 jum mindu ġie fdat mill-Prim Ministru Robert Abela f’Ministeru ġdid.

Il-Ministru Farrugia qal li qegħdin ukoll fi stadju avvanzat ta’ tilqim ta’ persuni immobbli u li jgħixu fil-komunità. Apparti minn hekk il-Ministru Farrugia qal li jinsabu fi stadju avvanzat fit-tilqim ta’ persuni li għandhom diżabilità li jgħixu fi djar u residenzi dedikati għalihom.

Fl-ewwel ta’ Jannar, ġewwa r-residenza San Vinċenz de Paule, Mary Pizzuto ta’ 94 sena kienet l-ewwel anzjana f’pajjiżna li ngħatat l-ewwel doża tat-tilqima kontra l-Covid-19. Apparti minn din ir-residenta, kien tħabbar ukoll li dakinhar kienu se jitlaqqmu 40 anzjani oħrajn, kif ukoll 15-il membru tal-istaff tar-residenza San Vinċenz de Paule.

Fis-7 ta’ Jannar, il-Ministru Farrrugia kien segwa l-proċess tat-tilqim fid-dar tal-anzjani fil-Mellieħa permezz ta’ Skype Call. Kien intqal li mal-4,400 anzjan u anzjana li jgħixu f’37 dar tal-anzjani madwar Malta, kif ukoll il-frontliners f’dawn id-djar, kienu bdew jitlaqqmu kontra l-Covid-19.

Fl-aħħar ta’ Jannar kienet bdiet tingħata t-tieni doża kontra l-Covid-19 lill-anzjani li kienu ħadu l-ewwel doża tat-tilqima fid-djar kollha tal-anzjani, inklużi dawk privati, kif ukoll il-frontliners. 

Share With: