Jitħabbru l-artist u l-post tal-mafkar f’ġieħ Oliver Friggieri

Il-ġurija appuntata biex tagħżel id-disinn rebbieħ tal-mafkar li se jsir f’ġieħ il-ġgant tal-letteratura Maltija l-Professur Oliver Friggieri ħabbret li għażlet il-proposta tal-artist John Grima bħala dik rebbieħa minn fost il-proposti li saru wara s-sejħa li ħarġet ftit xhur ilu għad-disinn tal-mafkar. Ġie deċiż ukoll li l-monument jitqiegħed il-Furjana, fejn il-Professur Friggieri qatta’ tfulitu u żgħożitu.

F’Diċembru li għadda, Heritage Malta, taħt l-awspiċi tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, kienet ħarġet sejħa għal proposti għad-disinn ta’ mafkar f’ġieħ il-Professur Friggieri, li kien ħalla din id-dinja x-xahar ta’ qabel.
Permezz ta’ din is-sejħa, artisti interessati ġew mistiedna jissottomettu disinn ta’ mafkar figurattiv tal-bronż li b’mod indikattiv kellu jitlesta fil-ħin biex jiġi inawgurat f’Novembru 2021, f’għeluq l-ewwel sena mill-mewt tal-Professur Friggieri.

Il-proċess kien ikkordinat mis-Sur Mario Cutajar, id-Direttur Eżekuttiv ta’ Heritage Malta u s-Segretarju Permanenti Ewlieni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Wara l-pubblikazzjoni f’Jannar li għadda tas-sottomissjonijiet meqjusa bħala li kienu l-aħjar, u wara li saru d-diskussjonijiet rikjesti mal-artisti kkonċernati, il-ġurija għażlet il-proposta ta’ John Grima. Qed ikun propost li l-mafkar tal-Professur Friggieri jitqiegħed qrib il-monument li jfakkar l-Ewwel Gwerra Dinjija, faċċata tal-monument f’ġieħ Dun Karm Psaila, il-poeta nazzjonali.

In-nefqa indikata għad-disinn u l-bini tal-mafkar hija ta’ madwar €100,000, kollox inkluż. Il-ġurija rrakkomandat li ż-żewġ sottomissjonijiet l-oħra meqjusa fost l-aħjar, li saru minn Chris Ebejer u Lino Bianco, jissemmew b’unur u għalhekk se jingħataw premju ta’ flus skont artiklu 5.11 tal-espressjoni ta’ interess.
Heritage Malta u l-ġurija, f’isem il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, u f’isem l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, mill-ġdid trodd ħajr lill-artisti kollha li wieġbu għal din is-sejħa għal proposti.

Share With: