Jinħeles minn akkużi ta’ attentat ta’ qtil f’argument familjari li seħħ tliet snin ilu

Raġel fiċ-ċentru ta’ argument familjari vjolenti li kien seħħ tliet snin ilu nħeles mill-akkużi miġjubin kontrih wara li ż-żewġ allegati vittmi għażlu li ma jixhdux. Dan hekk kif informaw lill-Qorti li minn dak iż-żmien ’l hawn is-sitwazzjoni tjiebet.

Ir-raġel ta’ 38 sena, kien ġie arrestat wara li argument verbali ma’ qraba tiegħu kien eskala u wassal anke għal vjolenza fiżika.

L-argument allegatament inbeda wara li r-raġel sejjaħ għal ibnu waqt li kien għand il-ġenituri tal-mara tiegħu, u hekk kif l-argument eskala, oħt martu ntlaqtet f’rasha minn biċċa injama.

L-akkużat ukoll kien sofra xi ġrieħi u kien deher il-Qorti b’idejh infaxxata.

Huwa kien wieġeb mhux ħati għall-akkuża ta’ attentat ta’ qtil u li kien attakka lil missier martu u li kiser il-paċi.

Madankollu hekk kif il-proċeduri fil-Qorti komplew, kemm missier martu u kif ukoll oħt martu għażlu li ma jagħtux ix-xhieda tagħhom.

Fid-dawl ta’ dan il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace qalet li x-xhieda mressqa ma kinitx biżżejjed biex jiġu ppruvati l-akkużi, bl-akkużat jinħeles mill-akkużi.

Għall-akkużat dehru l-avukati Franco Debono, Marion Camilleri, u Amadeus Cachia.

Share With: