Jingħata bidu għax-xogħlijiet tal-promenade ta’ Sally Port fil-Birgu

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg ħabbar li x-xogħlijiet fuq il proġett ta’ Sally Port, b’investiment ta’ €9 miljun bdew dax-xahar. Ix-xogħol, maħdum mill-aġenzija  Infrastructure Malta, se jkun jinkludi r-rikostruzzjoni ta’ madwar 600 metru ta’ mollijiet fiż-żona  magħrufa bħala Sally Port jew “It-Toqba”, li se tinbidel fi promenade ġdida. B’kollaborazzjoni mal Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC), dan l-investiment se jinkludi wkoll it titjib tal-Kalkara Waterfront u l-pjazza tal-lokalità, fl-istess żona. 

Il-Ministru Ian Borg qal, “Dan hu proġett li n-nies tal-Kottonera, speċjalment il-Ġirbin, ilhom  jistennew għal snin twal. Iżda r-rieda tagħna hija waħda ċara. Dan hu gvern li jwassal l-proġetti minn  fuq il-karta għar-realtà kif qed nagħmlu ta’ kuljum. Bħal ma ħabbart ilbieraħ permezz tax-xogħlijiet  li qed isiru fil-pjazza tal-Birgu kif ukoll ir-riġenerazzjoni li qed issir fl-Isla, dan tal-lum se jkun pass  ieħor importanti ħafna li se jkompli jsebbaħ u jżejjen il-Kottonera sabiex bħala Maltin nkunu tassew  kburin bil-wirt tagħna u b’dawn il-postijiet storiċi li jagħtuna l-identità unika Maltija.” 

Ir-rikostruzzjoni tal-mollijiet se jbiddlu żona tal-baħar li tinsab fi stat ta’ abbandun fil-Kottonera fi promenade ġdida, b’żoni għall-mixi, bankini u dawl dekorattiv. Il-promenade se jinkludi wkoll ġnien  pubbliku, toilets pubbliċi ġodda u żoni tal-pajsaġġ bi fjuri u arbuxxelli adattati għal dan l-ambjent  kostali.  

Dan l-ispazju ġdid għar-rikreazzjoni se jkun marbut direttament maċ-ċentru tal-Birgu, permezz tal mina storika mibnija li tissepara l-mollijiet mill-belt u se jkun ukoll imqabbad mal-Waterfront tal Birgu sabiex joħloq rotta pedonali bla interruzzjoni miż-żona ta’ Villa Bighi fil-Kalkara sal-marina  tal-Birgu, iż-żona tal-Baċir 1 ta’ Bormla, ix-xatt tal-Isla u t-triq kollha lejn Boiler Wharf, taħt Gardjola  Gardens.

Share With: