Jieħdu ħsieb tarbija minħabba li l-omm ġiet pożittiva għall-Covid-19

Il-President tal-MUMN Paul Pace jgħid li l-infermiera u l-qwiebel għandhom rwol kruċjali

Minn Maria Azzopardi 

L-infermiera u l-qwiebel għandhom rwol tassew importanti u li jitqies bħala kruċjali. Dak kollu li jagħmlu jaffettwa r-riżultat tal-kura li jirċievu l-pazjenti, kif ukoll l-impressjoni ġenerali li sptar jagħti lill-pubbliku. Is-servizz tagħhom huwa tassew meħtieġ fil-kura tas-saħħa, saħansitra aktar f’emerġenzi bħall-pandemija tal-Covid-19 li qed tiġi esperjenzata mhux biss f’Malta imma fil-bqija tad-dinja wkoll.

Ftit tal-jiem ilu dawn kienu strumentali biex jieħdu ħsieb tarbija fl-ewwel jiem tagħha wara li l-omm irriżultat pożittiva u l-missier kien jinsab kwarantina.

Dan ġie kkonfermat mill-President tal-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) Paul Pace fejn spjega lil dan il-ġurnal li meta jkun hemm il-missier kwarantina u l-omm tkun pożittiva għall-virus, ma jkunux jistgħu jagħtu t-tarbija lill-omm. Dan isir bħala miżura ta’ prevenzjoni biex is-saħħa u s-sigurtà tat-tarbija fl-ewwel jiem tagħha jkunu tassew protetti. Fil-fatt, ġewwa l-Isptar Mater Dei hemm nursery fejn iżommu lit-tarbija sakemm l-omm tibqa’ pożittiva għall-virus filwaqt li din tingħata l-aqwa servizz u dak kollu li jkun neċessarju għall-kura tagħha.

Każijiet fejn ommijiet irriżultaw pożittivi… iżda mhux numri kbar

Pace qal li kien hemm każijiet fejn ommijiet irriżultaw pożittivi għall-Covid-19 iżda dawn ma kienux numri kbar. 

Spjega li ġewwa l-Isptar Mater Dei hemm dawk li jissejħu Obstetrics Wards 1-3. Pace qal li t-tieni waħda ġiet iddisinjata għal dawk pożittivi u l-omm f’dak il-każ tibqa’ hemmhekk imma t-tarbija tittieħed fin-nursery.

Spjega li fl-Obstetrics Ward l-iktar li hemm huma qwiebel li jibqgħu jieħdu ħsieb lill-omm. Żied jgħid: “Anke pereżempju omm sakemm tkun qed tistenna riżultat tal-iswab ma jħallulix lit-tarbija. Imbagħad l-Obstetric 2 jekk inti pożittiva tibqa’ hemmhekk u jekk tkun negattiva timxi għall-Obstetric 1 jew 3 u hemmhekk imbagħad tingħata t-tarbija. Hemm sistema verament tajba.”

S’issa qatt ma kien hemm konsegwenzi gravi tal-Covid-19 fuq trabi

Pace qal ukoll li s’issa qatt ma kien hemm konsegwenzi gravi tal-Covid-19 fuq trabi. Mistoqsi dwar kemm huwa importanti l-irwol tal-infermiera u qwiebel f’dawn il-każijiet, huwa qal li dan huwa tassew kruċjali għax dak il-ħin ikollhom bżonn sapport kbir. 

Żied jgħid: “Il-Covid-19 biddel ix-xenarju kollhu. Qabel kienet biex kemm jista’ jkun inħallu t-tarbija mal-omm u għadha hekk. Imma bil-Covid-19 kelna nbiddlu ċertu affarijiet. F’dan il-każ sfortunatament qed inċaħħdu daqsxejn it-tarbija minn mal-omm minħabba ċ-ċirkostanzi għall-ġid tat-tnejn. Barra minn hekk aħna għandna servizz ukoll li nżommu lit-tfal f’Wonderland għal dawk il-ġenituri li nqabdu t-tnejn bi kwarantina.”

Temm jgħid li l-infermiera li jaħdmu mat-tfal minn dejjem kienet. Żied jgħid ukoll li fl-ITU tat-trabi, dak li jissejjaħ NPICU, hemmhekk hemm taħlita bejn infermiera kif ukoll qwiebel li jagħtu servizz impekkabbli.

Share With: