“Jekk mhux se jiżdiedu r-restrizzjonijiet se jkomplu jintilfu l-ħajjiet” – l-MAPHM

L-Assoċjazzjoni tal-Professjonisti tas-Saħħa Pubblika l-MAPHM qiegħda ssotni l-pożizzjoni tagħha rigward is-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’pajjiżna. Fi stqarrija maħruġa minnha hija sejħet lill-awtoritajiet konċernati biex iżidu r-restrizzjonijiet bil-għan li tiġi kkontrollata aħjar il-firxa tal-pandemija u dan hekk kif It-taqsima tal-ITU fadlila biss ftit sodod disponibbli.

L-assoċjazzjoni żiedet li pajjiżi oħrajn marru għal-lockdown b’rata inqas ta’ infezzjonijiet minn dik li għaddej minnha pajjiżna bħalissa. Minkejja li l-pożizzjoni tagħha ma tirreferix għal lock down totali, l-assoċjazzjoni ssostni li hemm bżonn ta’ miżuri aktar ħorox inkella se nispiċċa inbatu ħafna aktar.

L-istqarrija tkompli tgħid li l-miżuri ġodda għandhom jaraw li jitnaqqas it-taħlit soċjali lil hinn mill-istess residenzi u għalhekk kull attività li mhijiex essenzjali għandha tiġi mrażżna għal perjodu ta’ żmien. Mhux biss għandhom jinħarġu l-miżuri, iżda għandu jkun hemm infurzar adekwat biex jinħarġu sanzjonijiet għal kull min jinqabad jiksirhom.

Rigward il-postijiet tax-xogħol, l-assoċjazzjoni qalet li sa mill-bidu tal-pandemija kien hemm preparazzjoni biex fejn hu possibbli jintuża t-teleworking u li l-gvern għandu jkun ta’ eżempju billi fejn u possibbli jordna li ħaddiema li m’għandhomx bżonn ikunu fuq il-post tax-xogħol, ikomplu bil-ħidma tagħhom mid-dar.

L-assoċjazzjoni tenniet li aktar kemm se ndumu ma nżidu r-resitrizzjonijiet, aktar se tkompli tiggrava s-sitwazzjoni u dan se jwassal biex ikollhom jiddaħħlu miżuri aktar ħorox milli hawn bżonn fil-preżent fiż-żmien li ġej u li dan se nħallsu għalih b’aktar persuni li se jkomplu jitilfu ħajjithom.

Share With: