It-trobbija tal-gamiema u l-monitoraġġ fis-salvaġġ jissaħħu permezz ta’ ftehim bejn l-FKNK u l-RGF għal proġett ta’ riċerka

Il-Ministru Silvio Schembri jgħid kif il-proġett ser jikkontribwixxi għal popolazzjoni tal-gamiema fis-salvaġġ

Il-Ministru għall-Ekonomija u Industrija Silvio Schembri dalgħodu ippresieda l-iffirmar ta’ Memorandum of Understanding (MOU) bejn il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) u mill-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli (RGF) għal proġett tat-Trobbija tal-Gamiema u l-Monitoraġġ fis-Selvaġġ. B’dan il-ftehim l-FKNK qed tingħata għajnuna ta’ €14,000 mill-RGF, marbuta mal-konservazzjoni u sostenn tal-popolazzjoni tal-gamiem, li fl-aħħar snin il-programm ta’ tgħammir ra riżultati mixtieqa għal din l-ispeċi.

L-Onor Silvio Schembri rrimarka kif din l-għajnuna mill-RGF tikkumplimenta sew ħidmietha li tbiegħed il-persuni mill-vizzji tal-logħob, hekk kif f’dan il-kuntest huwa infurmat li hemm żgħażagħ li resqu lejn il-prattika ta’ dan id-delizzju b’responsabbilta’ bħala mezz biex iżommu l-bogħod mill-vizzju.

Huwa spjega kif il-bidu ta’ dan il-proġett imur lura għal 2017, meta bejn iż-żewġ naħat, nibet proġett li iffoka fuq it-tgħammir tal-gamiema biex eventwalment din tkun rilaxxata fis-selvaġġ. Proġett li  kien suċċess, wera ir-riżultati meħtieġa u qed ikompli jiġi msaħħaħ bl-iffirmar ta’ dan il-ftehim.  Filfatt, f’Mejju 2017, ġew rilaxxati aktar minn 400 gamiema fil-ġonna tal-Buskett.  Fl-2018 il-proġett ra aktar minn 700 gamiema jinħelsu fis-selvaġġ, din id-darba minn Għawdex. F’Ġunju tal-2019 inħelsu ’l fuq minn 350 gamiema. Minħabba l-pandemija tal-COVID-19, din l-attività ma saritx fl-2020.

Fl-intervent tiegħu, Schembri ħabbar kif il-proġett issa ser jidħol fit-tieni fażi tiegħu marbut mar-riċerka u l-Moniteraġġ bis-‘Solar GPS Transmitters’. “Huwa propju għal dan il-parti tal-proġett li l-RGF daħlet sabiex tkun tista’ ssir riċerka li għaliha hemm bżonn li jinxtraw GPS Transmitters biex dawn jitpoġġew fuq il-gamiem li l-FKNK se tkun qed teħles fis-selvaġġ bejn Mejju u Ġunju ta’ din is-sena,” qal l-Ministru.

B’hekk l-FKNK tkun tista’ twettaq dan li jissejjaħ ‘reference populations’, jiġifieri li tissorvelja l-moniteraġġ ta’ fejn u liema pajjiżi il-gamiem imorru, l-adattament tagħhom, kif jerġgħu jaqbdu triq lura, il-passa ta’ din l-ispeċi. Dan kollu għal skopijiet sabiex il-popolazzjoni tal-ispeċi titkattar, u s-sostenibbilità tagħha fl-ekosistema tkun sostnuta.

Hawn l-Onor Schembri faħħar l-isforz kollettiv mill-FKNK fejn dawn ħadmu mal-Federazzjoni tal-kaċċaturi Taljana li għandha esperjenza ta’ diversi programmi simili fejn f’diversi programmi immexxija minnha, speċijiet differenti ta’ għasafar ġew mgħammra b’dan it-tip t’apparat u eventwalment traċċati wara r-rilaxx fis-selvaġġ.

Il-Ministru Schembri, inkoraġġixxa l-FKNK sabiex ikomplu b’din il-ħidma tagħhom, li jkunu wkoll parteċipi iżjed f’riċerki ta’ dawn it-tip li se jkunu ta’ benefiċċju għal kulħadd li jipprattika d-delizzju, kemm tal-kaċċa jew nassab u jkompli jsaħħu il-programm tat-nissil tal-gamiem fil-magħluq u tluq fis-selvaġġ.

Iċ-Chairman Mhux Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli, Neville Mangion qal li l-Fondazzjoni temmen li l-kontinwazzjoni tal-proġett li beda fl-2017, hija attività alternattiva għall-problema tal-logħob fis-soċjetà. “Ir-rilaxx fis-selvaġġ tal-gamiem mrobbija fil-magħluq huwa kontribut tanġibbli li Malta tista’ tagħmel għall-konservazzjoni ta’ din l-ispeċi fis-selvaġġ, u taqbel mal-FKNK li għandhom jiġu adottati mezzi oħra tal-IT għall-monitoraġġ tal-movimenti tal-għasafar,” qal Mangion.

L-Uffiċjal tar-Relazzjonijiet Pubbliċi Lucas Micallef, irringrazzja lill-Ministru Schembri u lill-RGF tas-sostenn tagħhom sabiex l-FKNK kompliet tingħata l-appoġġ sabiex iżżid il-popolazzjoni tal-gamiema selvaġġa. Spjega li t-tluq dejjem isir waqt l-migrazzjoni u meta ma tkunx permessa kaċċa u/jew insib.  “Dan huwa l-uniku kontribut tanġibbli li Malta tista’ tagħmel għall-konservazzjoni ta’ din l-ispeċi fis-selvaġġ, peress li l-gamiem ma jbejtux fuq bażi regolari u fi kwalunkwe numru sostanzjali fis-selvaġġ fil-gżejjer Maltin.  Barra minn hekk, l-ammont rilaxxat jista’ jservi bħala miżura ta’ kumpens għall-gamiem li jistgħu jittieħdu mis-selvaġġ fil-gżejjer Maltin.  Billi l-gamiem li jintelaq jitrabba fil-magħluq, dawn kollha jkunu mmarkati b’mod adegwat biċ-ċrieket qabel ma jinħelsu,” ikkonkluda Micallef.

Share With: