“It-tilqim serva biex itaffi n-nar… il-varjant huwa bħal pitrolju li qiegħed jagħmilielna diffiċli”

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt l-intervent tiegħu fil-parlament qal li l-paġni ta’ quddiem fuq gazzetti internazzjonali huma ffukati fuq l-varjant tal-Covid-19.

Fearne qal li żewġ terzi tal-każi ġodda f’pajjiżna huma kkawżati mill-varjant tal-Ingilterra. Chris Fearne qabbel il-ħaxixa Ingliża li tinfirex iżjed mill-pjanti indiġeni oħrajn mal-varjant. Huwa kompla biex jgħid li “qisu aħna kellna għalqa qamħ u ġo naħa minnhom kellek nar u minkejja ilma li ntefa’ permezz tal-vaċċin, il-varjant huwa bħal pitrolju li qiegħed ikompli jkebbes dan in-nar.”

Fearne fakkar dwar il-karriera tiegħu bħala kirurgu u qabbel il-kura li tingħata lill-pazjenti mal-miżuri li qegħdin jinħarġu minn żmien għall-ieħor. Fearne qal li jkun hemm każi fejn intervent ma jkunx suċċess mill-ewwel minħabba kumplikazzjonijiet, iżda bħalma l-kirurgu jibqa’ jagħmel dak kollu possibbli biex ifejjaq lill-pazjent, hekk ukoll huwa l-ħsieb ta’ dawn il-miżuri.

Share With: