It-tielet mewġa tal-pandemija: Aktar persuni żgħar fl-età li qed jispiċċaw intubati

Minn Victor Vella

Infermieri li tkellmu ma’ dan is-sit iddikjaraw kif l-aħħar mewġa ta’ Covid19, kawżata mill-varjant Ingliż hi ferm u ferm aktar qawwija. L-istess infermiera spjegaw kif fl-isptar qed jaraw ammont sew ta’ każi li spiċċaw iddaħħlu fl-ITU, tant li infetħu diversi taqsimiet ġodda.  L-istess infermiera qalulna li matul l-aħħar ġimgħat kien hemm diversi persuni ta’ etajiet pjuttost żgħar li ddaħħlu l-isptar fit-taqsima tal-ITU imma  bil-kura li ngħataw irnexxielhom jirkupraw.

Infermiera qaltilna li “kellna persuna ta’ inqas minn għoxrin sena.  Kellna oħrajn li kellhom qrib 40 sena jew ftit aktar miżmumin fl-ITU. Il-ħidma hawn ma taqta xejn. L-għejja tagħna hi kbira. Għandek is-sodisfazzjon imma li dawn irkupraw mill-virus.”  L-istess infermiera spjegat li hemm ix-xejra li qed jiżdiedu l-każi ta’ persuni pjuttost żgħar fl-età li kellhom jiġu intubati. 

L-infermiera appellat biex il-poplu jibqa’ kemm jista’ jkun ġewwa u jara li mhux biss jintlibsu l-maskli imma jinżammu ukoll id-distanzi soċajli.

L-istess infermiera infurmat ukoll li anke f’pajjiżi oħra qed jitkellmu fuq żieda fil-każi ta’ persuni ta’ etajiet żgħar li spiċċaw intubati. Irreferiet għal dak li ddikjarat pubblikament fuq is-sit soċjali tagħha it-tabiba Pina Tomasielli. Hi tmexxi il-Crisis Unit fir-reġjunm tal-Campania b’rabta mal-Covid19.

Hi iddikjarat li “l-agħar statistika li qed naraw minn din it-tielet mewġa, li għadha qed tevolvi, hu dak li qed ikun hemm persuni ta’ 18, 19 u 20 sena li jispiċċaw fit-taqsima tal-kura intensiva. Hemm ammont ta’ persuni żgħar fl-età li spiċċaw intubati.”

Share With: