“Issa ż-żmien li nkomplu nkunu ddixxiplinati”… Malta fost l-aktar li rreġistrat tnaqqis fil-każi ġodda fuq medda ta’ ġimgħa

“Issa ż-żmien li nkomplu nkunu ddixxiplinati.” Hekk qal id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne filwaqt li għamel referenza għal statistika li tpoġġi lil Malta fost l-aktar pajjiżi li rreġistrat tnaqqis fin-numru ta’ każi ġodda li kienu reġistrati bejn il-15 u t-22 ta’ Marzu.

Bl-Ewropa maħkuma mit-tielet mewġa tal-pandemija, il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi qed jirreġistraw żieda sinjifikanti fin-numru ta’ każi ġodda. L-Iżlanda, bejn il-15 u t-22 ta’ Marzu, saħansitra rat żieda ta’ 89.5% fin-numru ta’ każi ġodda, b’pajjiżi oħrajn bħall-Kroazja l-Ukrajna, u l-Belġju jirreġistraw żieda ta’ 44.9%, 42.1%, u 40.9% rispettivament.

Min-naħa l-oħra matul dan il-perjodu Malta rreġistrat tnaqqis ta’ 26.9% fin-numru ta’ każi ġodda. Monaco u l-Kosovo biss li rreġistraw tnaqqis akbar fin-numru ta’ każi, bi tnaqqis ta’ 32.6% u 38.1% rispettivament.

Intant fil-kumment tiegħu Fearne rringrazzja lil kull min qed jaċċetta li jieħu t-tilqima, u lil kull min qed isegwi l-miżuri.

Share With: