Is-settur tal-bini l-inqas li jħallas fl-UE

Minkejja li matul l-aħħar snin ra tkabbir sostanzjali s-settur tal-kostruzzjoni f’pajjiżna huwa l-inqas wieħed li jħallas tajjeb meta mqabbel ma’ dawk fl-istati membri tal-UE.

L-aħħar ċifri maħruġin mill-Eurostat, ibbażati fuq il-pagi tal-2018, ipoġġu lil Malta fl-aħħar post b’pajjiżi oħra fejn il-ħlasijiet huma baxxi jinkludu l-Kroazja, ir-Rumanija, l-Ungerija, il-Portugall u s-Slovenja.

Fuq in-naħa opposta l-Polonja, l-Estonja, il-Latvja, l-Olanda u l-Iżvezja kellhom fost l-aħjar pagi f’dan is-settur meta mqabbla ma’ setturi oħra tal-ekonomija.

Iċ-ċifri juru wkoll li flimkien ma’ Franza, l-Ungerija u l-Iżvezja pajjiżna kellu l-aħjar pagi fil-qasam tal-finanzi u l-assikurazzjoni u mal-Greċja u s-Slovenja anke l-aħjar pagi fit-turiżmu.

Fil-qasam tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni l-aħjar pagi kienu fil-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Irlanda, l-Ungerija, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja.

Fejn jidħlu elettriku, gass u ‘air conditioners’ l-aħjar pagi kienu fil-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, il-Portugall, l-Awstrija u l-Finlandja mentri fil-mini u l-barrieri d-Danimarka, l-Italja u l-Olanda.

Il-Greċja kellha l-aħjar ħlasijiet fejn jidħol bejgħ mill-ħwienet u merkanzija kif ukoll tiswija ta’ karozzi u muturi waqt li fl-edukazzjoni l-aħjar pagi kienu fil-Lussemburgu.

Share With: