“Irridu li Għawdex jibqa’ d-djamant f’nofs il-Mediterran”

– il-Prim Ministru Robert Abela jelenka l-viżjoni tal-Gvern għal Għawdex b’enfasi fuq l-edukazzjoni u t-trasport bil-baħar

Il-Prim Ministru Robert Abela ħa spunt mill-kanzunetta ta’ The Tramps “Inti d-Djamant” u nsista li Għawdex irid jibqa’ jkun “id-djamant f’nofs il-Mediterran”, kif jingħad fl-istess kanzunetta.

Huwa qal dan waqt li kien qed jindirizza business breakfast f’lukanda ewlenija f’Għawdex bit-tema “Mudell Sostenibbli għal Għawdex” fejn tkellem dwar il-viżjoni tal-Gvern għall-gżira Għawdxija. 

Dr Abela beda biex qal li l-mira tiegħu hi li Għawdex ikun katalista tal-bidliet kbar li hemm bżonn iseħħu f’pajjiżna. Qal li biex neqirdu d-distakk ekonomiku bejn il-gżejjer, Għawdex irid ikun iċ-ċentru ta’ innovazzjoni u l-bidla f’pajjiżna. 

Kien hawn fejn sostna li biex nibnu prosperità ġdida rridu nagħmlu qabża fl-edukazzjoni. “Fl-ekonomija l-ġdida l-ħiliet u l-kreattività huma kollox. Għawdex huwa l-aqwa post minn fejn intellqu din l-istrateġija ta’ upskilling,” qal il-Prim Ministru.

Huwa spjega li wieħed minn kull 10 ċittadini Maltin li bħalissa qed jieħu edukazzjoni terzjarja huwa Għawdxi. Dan huwa kważi d-doppju tal-persentaġġ tal-popolazzjoni f’pajjiżna li huwa residenti f’Għawdex.

Fl-istess waqt, il-Prim Ministru żied isemmi kif wieħed minn kull erba’ Għawdxin li bħalissa qed jistudjaw fil-livell terzjarju qed jagħmel kors fil-matematika, fl-inġinerija jew fl-informatika. 

Waqt li stqarr li Għawdex għandu l-potenzjal li jkun ċentru ta’ eċċellenza fl-edukazzjoni, il-Prim Ministru saħaq li d-deċiżjoni ta’ Barts, imħeġġa mill-Gvern, biex iwaqqfu l-iskola medika ġewwa Għawdex għandha tkun biss il-bidu. 

“Bit-teknoloġija moderna se nagħtu daqqa qawwija lill-problema tal-insularità doppja ta’ Għawdex. Is-servizzi finanzjarji, l-informazzjoni, il-komunikazzjoni u s-servizzi professjonali li fl-2012 kienu jiġġeneraw biss €28 miljun sas-sena qabel bdiet il-pandemija kienu kibru għal €101 miljun ewro. Minn 10% telgħu għal 20% tal-ekonomija Għawdxija. 

“Għalhekk, meta laqtitna l-pandemija, l-ekonomija Għawdxija setgħet tkun aktar reżljenti u Għawdex qed jirnexxilu jirkupra aktar malajr minn Malta, bin-numru ta’ dawk jirreġistraw issa huwa kważi bħal qabel bdiet l-imxija tal-Covid-19.”

Il-Prim Ministru tenna wkoll li bit-teleworking, ħafna ħaddiema Għawdxin li qabel kienu jaħdmu Malta, bdew jaħdmu minn djarhom. Qal li jemmen li wara li tintemm il-pandemija, dan il-fenomenu se jkompli.

Huwa afferma mill-ġdid l-impenn ta’ din l-amministrazzjoni li toħloq link permanenti bejn iż-żewġ gżejjer. Qal li sakemm Għawdex jibqa’ dipendenti fuq traġitti bil-baħar, l-ekonomija Għawdxija se tibqa’ staġjonali u barra minn hekk is-servizzi li jistgħu jgawdu minnhom l-Għawdxin kif ukoll l-opportunitajiet jibqgħu kemmxejn limitati.

“Sakemm inwettqu dan il-proġett, se nagħmlu l-almu tagħna biex innaqqsu d-diffikultà tat-trasport bejn il-gżejjer. Il-miġja tar-raba’ vapur għenet sew iżda fadal aktar xi jsir fosthom l-introduzzjoni tal-fast ferry. Il-Gvern se jinvesti €5 miljun fl-infrastruttura marttima u jilliberalizza bl-aktar mod trasparenti u komplet biex l-operaturi interessati jipprovdu dan is-servizz dirett għall-passiġġieri biss bejn l-Imġarr Għawdex u l-Belt Valletta, f’45 minuta biss jekk mhux inqas ukoll,” tenna l-Prim Ministru.

Dwar is-setturi tal-biedja u s-sajd, huwa qal li dawn għandhom jibqgħu jilagħbu rwol kruċjali f’Għawdex. Żied jgħid ukoll li f’Għawdex “irridu li l-bżonnijiet ta’ enerġija kollha ta’ din il-gżira jkunu sodisfatti minn proċess ta’ ġenerazzjoni ta’ enerġija li tkun rinovabbli.”

Huwa tenna li l-ambizzjoni li għandu dan il-Gvern tpoġġi lil Għawdex fiċ-ċentru tal-bidlu u mhux aktar fil-periferija. Viżjoni li tirrikjedi bidliet kbar u ħidma qawwija. 

“Biex ikollna suċċess nemmen li l-istrateġija għal Għawdex trid issir f’Għawdex u mill-Għawdxin. Inħeġġeġ lil kull Għawdxi biex jagħti sehmu. Għawdex ta’ suċċess għandu bżonn kull Għawdxi jaħdem għall-gżira tiegħu. Flimkien konvint li se ntellqu mudell sostenibbli li bih nuru prosperità ġdida għan-nazzjon tagħna lkoll,” temm jgħid il-Prim Ministru Abela. 

Share With: