“Inneħħu kull ostaklu biex ikun hemm aktar nisa fil-Parlament”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, japprezza l-valur tal-mara u juri fiduċja fir-rwol tagħha fil-politika

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, ħa sehem fil-programm speċjali “Indaqs” imtella’ fuq Net Television għall-okkażjoni taċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum il-Mara. Filwaqt sar ħafna biex il-mara tħossha verament indaqs, għad hemm ħafna xi jsir minħabba ostakli soċjali u kulturali li huma ta’ sfida li jridu jiffaċċjaw in-nisa. Fl-intervent tiegħu Grech saħaq li r-rwol tan-nisa huwa neċessità u li hemm bżonn ta’ ħidma konġunta biex jitneħħew kull ostakli ħalli s-sess femminili jidħol, jirnexxi u jibqa’ fil-Parlament mingħajr il-ħtieġa li mara jkollha tagħżel jew tissagrifika rwoli oħra li kull mara tixtieq li jkollha fosthom dak ta’ omm, ta’ mara miżżewġa, jew ta’ professjonista f’oqsma oħra. 

“Dejjem emmint fin-neċessità tal-mara. Minn mindu kont żgħir f’ħoġor ommi, dejjem smajt il-kelma tagħha u segwejt il-pariri li tatni. Trabbejt f’familja fejn ommi kellha karattru b’saħħtu u l-parir tagħha kellu valur importanti. Għalhekk, mill-benniena tal-familja, tgħallimt li l-mara għandha valur u hija neċessarja.” Hekk beda l-Kap tal-Oppożizzjoni fil-parteċipazzjoni tiegħu għad-diskussjoni fil-programm li fih ġew diskussi r-riforma fil-Parlament, il-prostituzzjoni, kif il-Covid-19 affettwa lin-nisa u l-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u r-responsabbiltajiet tal-familja. 

“In-nisa, fejn huma, irnexxew”

Bernard Grech qal li rigward il-bżonn li jkun hemm aktar nisa fil-Parlament illum huwa ċar li kulħadd jaqbel. Saħaq li, “il-partiti qegħdin jagħmlu minn kollox biex ikun hemm aktar rappreżentanza ta’ nisa fil-Parlament. Aħna naqblu li n-nisa m’għandhomx bżonn ta’ mekkaniżmu biex jidħlu fil-Parlament għax huma kapaċi u dan huwa ċar għall-fatt li kull fejn huma, in-nisa rnexxewi”.

Il-Kap tal-PN fl-argument tiegħu ġab eżempju tal-iskola li taħdem fiha l-mara tiegħu fejn l-istaff huwa kważi kollu nisa. Huwa saħaq li, “għax kapaċi, dawn waslu u rnexxew. Imma għaliex f’ċerti postijiet, fosthom fi professjonijiet importanti, waslu imma fil-Parlament ma waslux bil-kwantitajiet? Għax għad hemm xi ħaġa li qiegħda żżommhom. Issa rridu nneħħu kull ostaklu, żgħir jew kbir”. 

Grech qal li dan huwa l-mekkaniżmu – mhux li n-nisa jaslu, imma li jaslu f’numri akbar. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li għal dan għadna ma wasalniex u ma solvejniex il-problemi relatati, anzi fadlina u dan minħabba li jaf li n-nisa kollha li hemm fil-Parlament, minkejja li waslu, qegħdin ta’ kuljum isibu diffikultajiet biex jagħmlu xogħolhom bħala politiċi. 

Sostna li, “allura m’huwiex biżżejjed li nagħmlu l-mekkaniżmu biex jidħlu aktar nisa fil-Parlament, imma li naraw li kull min jidħol fil-Parlament, ikollu biżżejjed għajnuna u dan isir billi nneħħu l-ostakli ħalli n-nisa jkunu jisgħu jaħdmu aħjar, jibqgħu u xorta waħda jkunu jistgħu jwettqu wkoll ir-rwoli l-oħra li kull mara tixtieq li tagħmel”. 

Huwa qal hekk għax jemmen li mara m’għandhiex għafejn tagħżel bejn li jkollha t-tfal u li tidħol fil-politika, jew li jkollha karriera u li tidħol fil-politika jew jekk tiżżewwiġx jew tidħol fil-politika. Bernard Grech temm jgħid li jekk hemm ostakli, “ilkoll flimkien, f’għaqda nazzjonali, naħdmu biex inwittu t-triq ħalli aktar nisa jkunu ta’ suċċess f’din is-soċjetà ħalli huma stess, flimkien mal-irġiel, ikomplu jbiddlu u jmexxu lil dan il-pajjiż għal quddiem”.

Share With: