Innaqsu l-ħela tal-ikel – Sehem il-Konsumaturi

Bħal ma semmejt fl-aħħar artiklu, din il-ġimgħa kien hemm Jum il-Konsumaturi.  Hi ħasra li l-media tagħna hi aktar ikkonċernata fuq il-politika milli fuq affarijiet li jolqtu lin-nies fil-ħajja ta’ kuljum.  Fil-fatt ġeneralment dawn l-affarijiet jitilgħu fil-wiċċ meta jkunu jistgħu jintużaw biex jattakkaw lil xi ħadd.  Il-politika għandha post importanti, iżda m’għandhiex tiddomina kollox.

Hi ħasra, għaliex nemmen li l-konsumaturi għandhom rwol importanti.  Fuq in-naħa tas-Suq, huma l-konsumaturi li jindikawlna kemm is-Suq qed jaħdem tajjeb jew le.  Biss il-konsumaturi għandhom rwol li jistgħu jinfluwenzaw sew il-ħajja ta’ kuljum u anki tal-futur.  Din is-sena, kif ktibt, l-iffukar kien fuq it-tnġġiż tal-plastik.  Din hi xi ħaġa li mhux biss qed tolqot il-preżent iżda għandha effett kbir fuq il-futur li ser inħallu lil wliedna.

Semmejt is-7 Rs li huma importanti li jiġu pprattikati mill-konsumaturi biex insalvaw l-ambjent.  Dawn huma Erġa’ aħsibha, taċċettax, naqqas, erġa’ uża, irriċikla, sewwi u sib alternattiva (Rethink, Refuse, Reduce, Reuse, Recyle, Repair u Replace).  Jekk wieħed jarahom sew jara li l-messaġġ hu wieħed – innaqqsu l-ħela.  Sfortunatament din fil-moħħ tan-nies ma tantx kienet importanti għaliex il-maġġoranza kellhom flus biżżejjed biex ma tantx nagħtu kas tal-ħela.  Jekk nieħdu prodotti, kif dawn jiġrilhom il-ħsara, ħafna lanqas biss tidħollhom f’rashom li jsewwuhom u mal-ewwel imorru jixtru wieħed ġdid. 

Hemm min jgħidlek li din mhix ħela, għaliex hemm ħafna diffikultajiet barra l-ispejjeż.  Dawn huma fatturi li jaħdmu biex il-konsumatur ikompli kif qed jagħmel illum.  Biss l-idea li ma tantx għandi nħabbel rasi għax għandi flus biżżejjed fil-but tinxtered f’oqsma oħra.

Dan l-aħħar ġranet ħarġet statistika li turi dan.  Kemm hawn nies li jemmnu li l-Maltin jaħlu anki l-ikel tagħhom?  Ftit huma li jaċċettaw dan.  Biss statistika internazzjonali wriet li l-Maltin huma fil-ħames post tad-dinja l-aktar li jaħlu ikel.  

L-istatistika tal-Ġnus Magħquda turi li jekk nieħdu l-pajjiżi tad-dinja nsibu li bejn wieħed u l-ieħor kull persuna taħli madwar 74 kilo ta’ ikel fis-sena.  Aħna l-Maltin, kull persuna taħli 129 kilo ta’ ikel fis-sena.  Dan hu aktar minn 70% aktar mill-medja.  Il-ħela li għandna mhux biss ġejja min-naħa tal-konsumaturi.  Jekk nidħlu aktar fid-dettal insibu li 26% minn dawn il-129 Kilos jinħlew minn min jipproduċi l-ikel filwaqt li l-ħwienet jaħlu 13%.  Dan ifisser li l-maġġoranza tal-ħela, 61%, ġejja mid-djar tagħna – jiġifieri mill-konsumaturi.  

Tajjeb li naraw il-pajjiżi kbar u sinjuri kemm jaħlu.  Insibu li l-Istati Uniti, l-aktar pajjiż sinjur fid-dinja, kull ma jaħlu hu 59 kilo, anqas min-nofs ta’ dak li jaħlu l-Maltin.  Jekk nieħdu l-Ġermanja dawn jaħlu 75 kilo, ir-Renju Unit, 77 u Franza 85 kilo.  Dan juri li anki f’pajjiżi sinjuri, l-ħela hi ħafna anqas minn dik ta’ Malta.

Personalment, nemmen li waħda mir-raġunijiet li Malta hawn din il-ħela hi għaliex għandna tendenza li affarijiet u użanzi li jnaqqsu l-ħela qed jiġu imħallta max-xeħħa.  Filwaqt li nnaqqsu l-ħela jfisser li nużaw dawk ir-riżorsi li għandna bżonn, la aktar u lanqas inqas, ix-xeħħa tfisser li ma nużawx kemm għandna bżonn.  Li ma naħlix ifisser li nixtri kemm għandi bżonn nikkonsma – la aktar u lanqas inqas.  U hekk qed jagħmlu dawn il-pajjiżi sinjuri.  Jekk hemm xi ħaġa li għadha tajba u jien m’għandix aktar bżonnha, din għandha tingħata lil ħaddieħor biex jużaha.  F’dawn il-pajjiżi sinjuri lanqas jiddejqu li jużaw affarijiet tajba li diġa’ użahom ħaddieħor, second hand.  Tista’ tmur f’kull belt f’dawn il-pajjiżi u ssib ħwienet li jbigħu  affarijiet ‘second hand’.  F’Malta anki kotba ‘second hand’ nistħu nixtru biex in-nies ma jgħidux li aħna xħaħ!

Nemmen li hawn għandha tidħol l-edukazzjoni.  Li nitkellmu biss fuq l-ambjent kollox l-istess ser jibqa’.  Hemm bżonn li ngħallmuhom kif nużaw ir-riżorsi bl-aktar mod effiċjenti – la xeħħa iżda wisq anqas ħela.

Malta taħt attakk

Meta daħħluna fl-UE l-aktar kelma li kienu jużaw biex iħajruna nidħlu kienet “solidarjeta’ “.  Dan biex jgħidulna li jekk nidħlu jkollna spalla ma xiex nistrieħu.  Illum aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed naraw l-għira lejn pajjiżna kull meta jkollna suċċess.  Din hi xi ħaġa li hi xprunata minn Malta mill-klikka li kull ma jridu hu li jerġa’ jkollhom il-poter f’idejhom.  

Malta dan l-aħħar ġiet attakkata għaliex il-gvern irnexxielu li jikseb biżżejjed tilqim kontra l-COVID-19 għall-popolazzjoni kollha fl-anqas żmien.  Qalu pubblikament li Malta kisbet dawn bil-fottiment.  Ftit jiem wara dawn reġgħu belgħu dak li qalu.  Kurz, il-Kanċillier tal-Awstrija, flimkien ma’ grupp ta’ pajjiżi ex-kommunisti ħarġu jattakkawna.  Wara ftit jiem irrealizzaw li kien it-tort tagħhom li m’għandhomx biżżejjed tilqim.  Ir-raġuni kienet li ma ordnawx tilqim biżżejjed meta kellhom iċ-ċans bħal ma għamlet Malta u l-Olanda li ma qagħdux jistennew lill-UE biex tiċċaqlaq għax bdew jordnaw qabel.  

F’dan l-inċident ħaġa li ma tajniex każ kienet li dawn kollha għandhom gvernijiet tal-Lemin – membri tal-Partit Popolari Ewropej.  

Issa nistennew attakk ieħor.  Dan l-aħħar Manfred Weber li hu l-kap tal-EPP talab lill-Parlament Ewropew biex meta jiddiskuti s-saltna tad-dritt fl-Ungerija, il-Polonja u Slovenja jiddiskuti wkoll lil Malta.  Dan minkejja li l-Gvern diġa’ għamel ħafna riformi biex jimxi skont kif trid l-UE f’dan il-qasam.  Din mhix ta’ sorpriża meta wieħed jiftakar li wara Weber hemm numru ta’ Maltin li huma ddisprati bil-kilba li għandhom għall-poter u l-mibgħeda li reġgħu daħħlu fil-politika Maltija.  

Weber mhux aħjar minnhom għax fallut daqshom.  Kien l-ewwel mexxej tal-EPP li ma rnexxilux jilħaq President tal-UE.  Ġie mwarrab bħal ta’ taħtu li hu l-ewwel kap tal-Oppożizzjoni li ma rnexxilux jieħu l-gvern f’idejh.  Hi l-kilba għal poter li wasslet lil dawn il-Maltin jaħdmu kontra Malta.  Għalija dawn għad iridu jitniżżlu fl-istorja bħala tradituri.  Huma tradituri għaliex il-ħsara li qed issir mhux biss qed issir lill-Gvern u lil-Laburisti, iżda lil Malta kollha – inkluż in-nazzjonalisti.  

Share With: