“Infurzar dwar il-Covid-19 qiegħed isir ħafna”

Fl-ewwel xahrejn tas-sena nħarġu 2,300 ċitazzjoni fuq ksur tar-regoli

Il-ministru responsabbli mill-infurzar tal-liġijiet Byron Camilleri jemmen li qed isir ħafna infruzar b’rabta mal-miżuri tal-Covid19.

Wara li fl-aħħar ġimgħa żdiedu l-każijiet ġodda kienu bosta li qajjmu dubju kemm l-infurzar qed isir jew kemm isir biżżejjed.

Ritratti fuq il-media soċjali urew numru ta’ nies miġburin ħdejn xulxin f’lokalitajiet differenti partikolarment nhar il-Ħadd hekk kif it-temp sabiħ wassal biex ħafna ħarġu l-aktar biex imorru fil-kampanja.

Kien waqt żjara fil-Faċilitża Korrettiva ta’ Kordin li dan il-ġurnal staqsa lill-Ministru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u Infurzar tal-Liġi jaħsibx li qed isir infurzar biżżejjed fid-dawl taż-żidiet fil-każijiet.

Waqt li beda biex iddikjara li infurzar qed isir ħafna, huwa irrimarka kif fl-ewwel xahrejn ta’ din is-sena l-pulzija u l-LESA, responsabbli minn dawk li baqgħu magħrufin bħala l-gwardjani lokali, ħarġu mal-2,300 taħrika.

Il-Ministru Camilleri qal li dawn ma jistgħux ikunu kullimkien u xogħlhom qed jagħmluh tajjeb waqt li fakkar kif kulħadd huwa obbligat li jaġixxi b’mod responsabbli u jimxi mar-regoli.

Fl-istess ħin il-Ministru Camilleri esprima l-fiduċja tiegħu li bl-għoti tal-vaċċin fi ftit xhur oħra s-sitwazzjoni se tirritorna għan-normal.

Share With: