Inawgurata niċċa ġdida lid-Duluri f’Tal-Pietà

Minħabba l-pandemija għat-tieni sena konsekuttiva ġew ikkanċellati l-purċissjonijiet ta’ “Jum id-Duluri”, liema purċissjonijiet tradizzjonali kienu jiġbdu lejhom eluf ta’ devoti.

Minkejja dan in-nuqqas, f’Tal-Pieta’ xorta waħda saret xi ħaġa żgħira imma sinifikattiva u sabiħa ħafna.

Fit-triq li propju ġġib l-isem ta’ “Triq id-Duluri”, is-Sindku tal-lokal Keith Tanti inawgura niċċa ġdida ddedikata lill-Madonna Addolorata. F’ċerimonja qasira, is-Sindku spjega r-rabta storika mal-Madonna tad-Duluri fejn l-isem tal-lokal, li ġej mit-Taljan Pietà, ifisser ħniena, ħasra jew dulur. Huwa qal li kollox jaf il-bidu tiegħu mill-Kappella tad-Duluri li tinsab ftit ‘il bogħod minn fejn inkixfet in-niċċa l-ġdida.

Is-Sindku Tanti fakkar li kien minħabba din l-importanza storika li l-Kunsill Lokali kien lesta l-proġett fejn din il-kappella li sebbaħ l-akwata kollha.

Dan ix-xogħol kien jikkonsisti fir-restawr tant bżonnjuż mal-faċċata tal-kappella. Inbidel il-puġġaman li jdawwar iz-zuntier. Permezz ta’ sponsorship li ġab il-Kunsill, ġew irrestawrati wkoll il-pitturi li jinsabu fil-kappella.

Billi kienet żona mudlama ħafna ġiet installata sistema ta’ dawl ġdida u tqiegħed pavimentar ġdid.Saret replika tal-funtana (jew ħawt) li kien hemm fl-antik. Din konna narawha biss f’xi kartolina. Saru wkoll t-tiswijiet u l-manutenzjoni li kien hemm bżonn fuq it-telephone box ta’ żmien l-Ingliżi.

Keith Tanti spjega kif permezz ta’ pressjoni li għamlu bħala Kunsill Lokali waslu biex ikkonvinċew lis-sidien privati tal-forn ta’ Blackley biex huma wkoll jagħmlu r-restawr li kien hemm bżonn fuq il-binja skedata tagħhom.

Share With: