Inawgurata Berġa tas-Saħħa fil-Gudja

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat, inawguraw uffiċjalment berġa tas-saħħa fil-Gudja.

Din il-berġa se tkun miftuħa kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa u se toffri servizzi differenti kuljum lir-residenti tal-Gudja u taż-żoni tal-madwar.  Fost is-servizzi li se jkunu offruti f’din il-berġa hemm il-klinika tat-tabib tal-familja, il-klinika tal-infermiera, dak tal-fiżjoterapija, tal-podjatrija u t-teħid tad-demm. 

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne aċċenna fuq il-politika tal-Gvern li jinvesti f’bereġ iktar moderni u attrezzati fil-komunità għaliex huma għodda importanti fil-qasam tas-saħħa hekk kif huma l-ewwel kuntatt mal-pazjent. 

“Il-bereġ imferrxa madwar Malta u Għawdex qegħdin ikollhom sehem importanti wkoll fil-ġlieda tagħna kontra l-Covid-19, hekk kif qed jintużaw bħala ċentri ta’ vaċċinazzjoni,” qal id-Deputat Prim Ministru. 

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari responsabbli miċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat qal li l-ftuħ ta’ berġa tas-saħħa fil-Gudja huwa ta’ sodisfazzjon doppju: kemm għax huwa responsabbli mill-komunitajiet, kif ukoll għax din il-kura fil-komunità hija possibbli grazzi għall-Fond Soċjali u tal-Iżvilupp Nazzjonali – l-NDSF.

Id-dħul tal-NDSF, qal is-Segretarju Parlamentari Muscat, ġej kollu mill-programm ta’ ċittadinanza.  Għalhekk huwa assolutament imperattiv għal Malta li nsostnu u ntejbu dawn it-tipi ta’ programmi, kif għamilna u se nkomplu nagħmlu, sabiex id-differenza tinħass f’ħajjet kull wieħed u waħda minna.

Share With: