Inawgurat l-investiment ta’ €300,000 fi spazju miftuħ f’Għar Barka

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg inawgura l-ispazju miftuħ ta’ Għar Barka fir-Rabat b’investiment ta’ kważi €300,000. 

“Għal darba oħra qegħdin inkomplu naħdmu sabiex spazji bħal dawn ta’ rikreazzjoni jingħataw lill komunità fl-aqwa stat u kwalità possibbli. Dan għax nemmnu f’ħidma ħolistika u nemmnu li l komunitajiet tagħna jixirqilhom li jgawdu kemm jistgħu minn dan. Bla dubju dan jirrifletti il-viżjoni  ta’ dan il-gvern li jħares li l-ħidma fil-komunitajiet tkun fuq nett tal-prijoritajiet tiegħu. Aħna  kommessi li nżommu l-impenn tagħna sabiex inwettqu ħidma bla waqfien favur kwalità ta’ ħajja aħjar  għan-nies u nħarsu ‘l quddiem għal sena oħra ta’ aktar ħidma u ġid għall-komunitajiet tagħna”, qal  il-Ministru Borg. 

Ix-xogħlijiet ta’ tisbiħ ta’ dan il-ġnien kienu fuq tliet livelli differenti li jintlaħqu b’turġien u rampi magħmulin mill-granit u mdawrin b’siġar u pjanti li ġew imħawla minn Infrastructure Malta. Dan il post hu mħares b’għadd ta’ CCTV cameras għal aktar sigurtà u huwa mgħammar b’aċċess ta’ WiFi għall-pubbliku. 

L-ispazju miftuħ ta’ Għar Barka jissodisfa wkoll il-linji gwidi għall-persuni b’diżabilità. Għat-tfal ta’  kull età ġiet installata play area b’bandli fil-livelli ta’ fuq u ta’ isfel.  

Il-ġnien jinkludi sistema ġdida effiċjenti ta’ dwal LED kif ukoll sistema tal-irrigazzjoni. Il-ġibjun  eżistenti nżamm għat-tisqija tal-pjanti u s-siġar u fil-livell tan-nofs ġiet installata canopy tal-ħadid  b’bankijiet taħtha. Ġie mqiegħed madwar 500 metru kwadru ta’ pavimentar li sar bil-ġebel tal-qawwi  u ġew installati bins fil-livelli kollha sabiex tinżamm l-indafa. 

Is-Sindku tar-Rabat Sandro Craus qal li, “Dan il-proġett, li tlesta fi ftit żmien, wassal biex fir-Rabat  ikollna post ieħor ta’ rikreazzjoni. Ix-xogħol li sar hu tal-ogħla livell u dan juri kemm dan il-ministeru  qed iwettaq xogħol għall-ġid komunitarju. Bħala kunsill kuntenti ħafna li il-proposta tagħna ntlaqat  u dak li qbilna fuqu twettaq f’qasir żmien”.

Share With: