Implimentata sistema ġdida għall-ħruġ ta’ liċenzji għall-bennejja

Għaddejja ġmielha l-implimentazzjoni ta’ sistema ġdida għall-ħruġ ta’ liċenzji għall-bennejja. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia u s-Segretarju Parlamentari għall-Kostruzzjoni Chris Agius waqt żjara fuq sit tal-kostruzzjoni, flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ Vassallo Builders Group Ltd Pio Vassallo.

Waqt din iż-żjara, il-ministru u s-segretarju parlamentari ħadu sehem f’attività ta’ tħawwil ta’ siġar fuq is-sit.

Il-ministru spjega kif is-sistema preċedenti għal-liċenzji ta’ dan it-tip ilha eżistenti għal numru ta’ snin u ma tirriflettix il-prattiċi u standards tal-lum.

Għalhekk, din il-miżura l-ġdida hija pass ieħor lejn il-modernizzazzjoni tal-prattiċi użati f’din l-industrija u tassigura aktar sigurtà u sostenibbiltà, filwaqt li tiffoka fuq żieda fir-regolamenti u fl-għarfien.

Waqt din iż-żjara, il-ministru spjega kemm huwa importanti li jinżamm djalogu mal-imsieħba u kull min huwa involut fl-industrija f’kull livell, u li naħdmu id f’id magħhom lejn din ir-riforma fis-settur tal-bini u l-kostruzzjoni.

“Illum ħadna l-opportunità biex nispjegaw dak li nixtiequ nilħqu permezz ta’ din ir-riforma. Nemmnu li r-riformi li jsibu l-appoġġ huma r-riformi li l-pajjiż jeħtieġ. Waqt din iż-żjara, iltqajt ma’ numru ta’ ħaddiema, inkluż bennejja, li ġabu liċenzja ftit taż-żmien ilu. Iddiskutejna wkoll riforma partikolari illi l-ħsieb tagħha huwa li mmorru għal reġistrazzjoni u liċenzjar ta’ dawk il-ħaddiema illi jkunu fuq dawn is-siti ta’ kostruzzjoni. Dan se jkun qed jagħti s-serħan il-moħħ lill-familji Maltin u Għawdxin imma wkoll nagħmlu din l-industrija tant importanti għal pajjiżna waħda sostenibbli”, qal il-ministru.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius qal li din iż-żjara tagħmel parti mill-proċess tal-gvern biex ikollna aktar liġijiet u regolamenti li jirregolaw is-settur tal-kostruzzjoni. Kompla jgħid li, “Illum iltqajna ma’ numru ta’ ħaddiema fejn magħhom tkellimna u spjegajnilhom x’inhuma l-ħsibijiet tal-gvern għaż-żmien li ġej, fosthom li jkollna l-bennejja b’liċenzja, li jkollna liċenzjar u regolamentazzjoni aħjar tal-kuntratturi, kif ukoll li persuni li jkunu jaħdmu f’siti ta’ kostruzzjoni jkollhom aktar għarfien fuq ir-responsabbiltajiet tagħhom. Naħseb dan huwa pass kruċjali ieħor sabiex dan is-settur tant importanti jkun irregolat aħjar”.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Vassallo Builders Group Ltd Pio Vassallo qal li kull impjieg fil-kostruzzjoni joħloq numru ta’ impjiegi oħrajn f’setturi relatati. Huwa kkonkluda billi qal li, “Aħna minn dejjem imbuttajna għar-riforma li hemm bzonn f’dan is-settur, riforma f’dak li għandu x’jaqsam mas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, taħriġ fejn bniedem li qed jaħdem fis-settur irid ikun kwalifikat u sfortunatament taħriġ li kien ilu nieqes għal diversi snin. Aħna minn dejjem konna pijunieri f’dan is-settur u nħarsu ‘l quddiem għal aktar konsultazzjoni bejn il-gvern u l-privat biex din ir-riforma tkun ta’ suċċess.”

Share With: