Imnedija strateġija nazzjonali dwar l-abbuż ta’ sustanzi fost iż-żgħażagħ

Miktub minn Maria Azzopardi

Il-Gvern għadu kemm nieda strateġija nazzjonali dwar l-abbuż ta’ sustanzi fost iż-żgħażagħ. Waqt it-tnedija ta’ din l-istrateġija, il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon u s-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat qalu li fost il-messaġġi prinċipali hemm dan: “Qegħdin hawn biex ngħinuk u mhux biex niġġudikaw”.

Waqt il-konferenza ssemma kif flimkien mal-Addictions Advisory Board, l-FSWS u s-Sedqa qed jaħdmu fuq kampanja b’differenza immirata lejn l-adoloxxenti u l-ġenituri tagħhom kif ukoll lejn l-edukaturi. L-għan huwa li jinħoloq għarfien reali dwar l-abbuż ta’ sustanzi, filwaqt li jwittu t-triq biex ħadd ma jaqta’ qalbu jfittex l-għajnuna meta jkun hemm bżonn.

Permezz ta’ din il-kampanja, iż-żgħażagħ u l-adoloxxenti se jingħataw għodda essenzjali għall-għarfien dwar l-abbuż tas-sustanzi. Se tkun qed tmur ukoll fuq il-ġenituri u l-edukaturi li ħafna drabi l-ġenituri għandhom sfida meta jiġu biex jikkomunikaw mat-tfal adoloxxenti tagħhom dwar l-abbuż ta’ sustanzi.

F’din il-kampanja se jintużaw diversi pjattaformi fosthom il-midja soċjali, websajt informattiva u intervisti ma’ adoloxxenti jew personalitajiet f’Malta li għaddew minn dawn il-vizzji iżda llum għelbu l-vizzju fejn se jkunu qed jagħtu gwida u informazzjoni personali ta’ kif wieħed għandu jegħleb possibiltajiet bħal dawn.

Il-Ministru Michael Falzon qal li quddiem l-isfida ta’ abbuż mid-droga u sustanzi oħrajn, irridu verament naħdmu flimkien. Enfasizza dwar l-importanza li wieħed ma jiġġudikax u ma jikkundannax lil min għandu problema, anzi sostna li rridu nkunu aħna li noffru l-id tal-għajnuna.

Innota kif wieħed mill-fatturi tad-droga u sustanzi oħra huwa li bla dubju rridu nirrealizzaw li ħafna mid-drabi li jimbotta lil dak li jkun huwa li jixtieq jaħrab mir-realtà u fis-sustanza jsib il-mezz kif jinqata’ minn dik ir-realtà. 

Semma kif minn barra li ma niġġudikawx, hemm pass ieħor li huwa importanti dak li n-nies ma jibżgħux jersqu ‘l quddiem. Qal li huwa importanti li nirrikonoxxu li dawk li ġew ‘il quddiem huma nies li għandhom il-kuraġġ u mhux dgħufija.

Żied jgħid li għandna nirrealizzaw li l-abbuż fis-sustanzi huma sfida għal kull soċjetà. “Irridu wkoll li kulħadd iqum għall-isfida inkluż li naraw li verament jirnexxielna nimxu ‘l quddiem u nagħmlu dan billi noħorġu lil dawn in-nies minn ċirku vizzjuż,” qal Falzon.

Fl-indirizz tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat qal li din il-kampanja se tkun iffinanzjata mill-Aġenzija Komunità Malta fejn l-investiment se jkun ta’ €90,000. Filwaqt li nnota li ilu ma jkun hemm kampanja ta’ dan it-tip fuq dan il-livell, qal li minflokk tbeżża’ din il-kampanja għandha l-intenzjoni li teduka u toffri l-id tal-ħbiberija biex dak li jkun ma jiddejjaqx jitlob l-għajnuna fil-mument tal-bżonn.

Share With: