Illum tingħata l-aħħar tislima lil Ġorġ Agius, magħruf bħala Ġorg tal-Mużew u l-Għannej tal-Mulej

Miktub minn Maria Azzopardi

Bniedem ta’ fidi kbira li bi kliemu u b’għemilu tassew kattar imħabba u ferħ. Bniedem li jibqa’ mfakkar fost l-oħrajn ta’ kemm ferraħ nies f’nofs il-kuruturi tal-isptar u li kien jagħmel kuraġġ lil ħafna morda. Dan kien is-sentiment ta’ bosta persuni li sellmu l-memorja ta’ Ġorġ Agius hekk kif tard it-Tnejn l-ewwel ta’ Marzu tħabbret il-mewt tiegħu fl-età ta’ 94 sena. Ġorġ, magħruf ukoll bħala Ġorg tal-Mużew u l-Għannej tal-Mulej, issa qiegħed fejn il-Mulej li tant ħabb u faħħar.

Ilkoll kemm aħna, anke jekk forsi qatt ma ltqajna miegħu, żgur u forsi li smajna b’Ġorġ jew xi taqbila minn tiegħu. Il-kliem magħżul b’reqqa u t-tbissima tiegħu daħlu fil-qalb tal-poplu Malti u Għawdxi. Turija ta’ dan huma l-għexieren ta’ messaġġi ta’ tifħir u dawk tal-kondoljanzi mingħand ħafna nies fosthom Membri Parlamentari. Fil-fatt, bosta kienu dawk in-nies li qalu li kieku n-nies tad-dinja kollha huma bħalu, kieku ngħixu f’ġenna tal-art.

Minkejja li kien magħruf bħala Ġorġ tal-Mużew, huwa ma kienx eżattament tal-Mużew.  Madanakollu huwa kien raġel li għex tassew il-virtuwijiet evanġeliċi.

Robert Aloisio, membru tal-Mużew u għalliem fl-iskola St Michaels li titmexxa mis-soċjetà tal-Mużew, spjega li Ġorġ kien Ko-operatur tal-Mużew (fergħa differenti) għax ma setax isir membru billi ma kienx jaf jaqra u jikteb. Spjega li Dun 

Ġorġ Preca fir-Regola li għamel għall-membri tiegħu riedhom ikunu jafu jaqraw u jiktbu. Żied jgħid: “Imma hekk Ġorġ seta’ jagħmel appostolat differenti minn dak tal-membri tal-Museum. U Dun Ġorġ bierku b’idejh it-tnejn. Ġorġ kien bniedem sempliċi u bla ipokresija. Ilkoll għandna x’nitgħallmu minnu. Anki l-professuri u dawk li jaħsbu li huma.”

Ġorġ, li kien mill-Birgu u li dawn l-aħħar snin kien qed jgħix ġewwa r-residenza San Vinċenz de Paule, illum se jkun qiegħed jingħata l-aħħar tislima fil-Knisja Parrokkjali u Kolleġġjata ta’ San Lawrenz fil-Birgu fit-3.30p.m.

Falzon: Bniedem li dejjem kien itik enerġija pożittiva u rieda biex tgħin aktar nies fil-bżonn

Il-Ministru Michael Falzon qal li fil-ħajja tiltaqa’ ma’ ħafna nies, minn setturi diversi tas-soċjetà u uħud minn dawn in-nies jispirawk u jibqgħu f’moħħok. Qal li eżempju ċar huma l-esperjenzi mill-qrib li kellu ma’ Ġorġ. Falzon qal li Ġorġ kien bniedem li dejjem kien jagħti enerġija pożittiva, ottimiżmu u rieda biex tgħin aktar nies fil-bżonn. Żied jgħid li l-memorja tiegħu se tibqa’ ttih iktar motivazzjoni biex ikompli jwettaq aktar ġid fil-qasam soċjali.

L-eks Segretarju Parlamentari Silvio Parnis sellem il-memorja ta’ Ġorġ ta’ kemm għamel ġid bil-kelma u l-preżenża filwaqt li l-eks Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis rringrazzjah ta’ kemm wassal tagħlim bil-kliem meqjus tiegħu.

Fost l-oħrajn, anke l-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li Malta tbikkmet u żied jgħid li kulħadd kien jara fih persuna ġenwina li fommu fetħu biss biex jagħmel il-ġid.

L-Arċisqof Scicluna: Id-daħka ħelwa tiegħek fakkritna fil-Mulej

L-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna kien fost dawk li fakkru l-memorja ta’ Ġorġ u qal: “Għannejt bil-kliem u b’ħajtek; ħabbejt lill-proxxmu tiegħek. Id-daħka ħelwa tiegħek fakkritna fil-Mulej.”

Kif iddekrivitu Caritas Malta, Ġorġ kien tassew xempju ta’ umiltà u mħabba għall-proxxmu.

Il-Birgu jsellmu l-memorja tiegħu…. jgħidu li l-ġid li wettaq huwa kbir

Il-Birgu jibki t-telfa ta’ Ġorġ. Fost in-numru ta’ tislimiet, kien hemm min sostna li jkun jixraq li jkun hemm triq imsemmija għalih. Sostnew li dan ikun ġest u rigal sabiħ u kif jixraq lil bniedem li ħabb lil kulħadd u li dan ikun turija ta’ apprezzament sinċier.

Il-Kunsill Lokali tal-Birgu ngħaqad mal-kondoljanzi fejn ddeskrivewh bħala bniedem qaddis fl-art u issa fis-sema. Sostnew li l-ġid li wettaq dan il-bniedem huwa kbir u li hija tassew telfa kbira kemm għall-Birgu kif ukoll għal pajjiżna, għax kien bniedem li bi kliemu xerred il-ġid u l-imħabba.

Il-Kumitat Festi Esterni San Lawrenz – il-Birgu qal li Ġorġ kien ikona tal-Belt Vittoriosa u devot kbir tal-Padrun tagħhom San Lawrenz. Qalu li Ġorġ għamel ġid kbir fil-komunità Vittoriosana, kemm ma’ dawk anzjani u anke ma’ żgħażagħ u sostnew li l-ġid li għamel żgur mhu se jintesa qatt.

Fost l-oħrajn, anke l-Pirjol u l-Komunità tal-Patrijiet Dumnikani tal-Birgu sellmu l-memorja tiegħu u taw il-kondoljanzi lill-familja ta’ Ġorġ.

“Meta narah minn dejjem kont inħoss li hu raġel qaddis”

L-għexieren ta’ messaġġi li tħallew fuq il-midja soċjali wrew biċ-ċar l-imħabba kbira li l-poplu kellu lejn Ġorġ. Kien hemm saħansitra minn qal li meta kien jarah minn dejjem kien iħoss li hu raġel qaddis għaliex dejjem għamel ħafna mal-batut anke meta kien batut hu. Mhux ta’ b’xejn li fl-2018 kien ġie  ppremjat għall-ħidma volontarja li wettaq tul ħajtu.

Osservaw kif minkejja li ma kienx jikteb u jaqra, tassew kien jaf kif għandu jwassal l-imħabba u l-kelma t’Alla. “Raġel qaddis, bla skola imma għall-Mulej m’hemmx tafx skola jew le. Il-Mulej tah għerf ta’ kif jiġbed in-nies bil-kelma u talb sempliċi,” qalet persuna filwaqt li sellmet il-memorja tiegħu.

Ħabib tiegħu rrakkonta kif meta kien ikun qed jitla’ d-dar mill-pjazza tal-Birgu, kemm-il darba mxewha flimkien u kienu jaqsmu kelma bejn tnejn. “Kien jieqaf iħares lejn is-sema dawk il-ftit sekondi bid-daħka u jgħidli b’dak il-leħen sod li kellu: Ton ħaġa rridu niftakru x’qalilna s-Sinjur tagħna Ġesù Kristu – X’jiswielu l-bniedem li jikseb id-dinja kollha mbagħad jitlef ruħu?”

Bosta pazjenti jfakkruh…. jipproponu li jsir bust fl-Isptar Mater Dei

L-umiltà ta’ Ġorġ tassew ħalliet impatt ukoll fuq il-bosta pazjenti li kien iżur ġewwa l-Isptar. Min jaf kemm farraġ nies ġewwa l-isptar u poġġa tbissima fuq min kien qed iħossu fi sqaq mudlam. Dlonk hemmhekk kont issibu… fost il-batut. 

Fost il-kummenti tal-pazjenti: “Kien ġie jarani fl-ITU meta għidtlu li kont qed immut”; “Grazzi ta’ kemm tlabt għalina speċjalment għal ibni”; “Minn meta kont żgħira kont ninzertak l-out patients ta’ San Luqa tferraħ lin-nies bi kliemek u sa erba’ snin ilu kont ukoll smajtek waqt li kont nistenna għal appuntament. Grazzi tas-sehem tiegħek fil-komunità.”

Bħala turija tal-imħabba kbira lejh, kien hemm uħud mill-persuni li sostnew li Ġorġ tassew għandu jiġi rikonoxxut tal-ħidma volontarja tiegħu u pproponew li jsirlu bust ġewwa Mater Dei għax hemm kien mibgħut biex jaħdem mill-Ħallieq.

Share With: