Il-Virtu Ferries tapplika biex tibda topera bejn l-Imġarr Għawdex u l-Belt Valletta permess tal-Fast Ferry

Virtu Ferries laqgħu b’mod pożittiv l-aħbar mill-Onorevoli Ministru Ian Borg u mill-Onorevoli Ministru Clint Camilleri, dwar il-liberalizzazzjoni tas-servizz tal-High Speed Ferry bejn Għawdex u Malta.

Virtu Ferries ilha turi interess f’dan is-servizz minn mindu twaqqfet il-kumpanija fl-1988. Issa li s-settur tal-fast ferry passenger service gie lliberalizzat, Virtu Ferries applikat għall-liċenzja mat-Transport Malta biex tkun tista’ topera fuq din ir-rotta. Il-kumpanija kellha rispons pożittiv u nkoraġġanti minn Transport Malta.

Il-Virtu Ferries tittama li tirreplika s-success li rnexxilha tikseb f’dawn l-aħħar 33 sena fuq rotot internazzjonali, inkluż bejn Malta u Sqallija, fuq ir-rotta domestika bejn l-Imġarr, Għawdex u l-Belt Valletta. Il-Virtu Ferries se tkun qed toffri lil kull min jivvjaġġa magħha fuq ir-rotta domestika l-istess servizz metikoluz li tipprovdi fuq ir-rotot internazzjonali.

Minħabba ż-żmien qasir bejn l-avviż li ħareġ il-Gvern u d-data tal-1 ta’ Ġunju li fiha mistenna jibda jingħata dan is-servizz,  il-Virtu se tkun qed topera din ir-rotta b’wieħed mill-vapuri li diġà jjfforma parti mill-flotta tal-kumpanija, sabiex tkopri d-data tal-iskadenza mogħtija.

Ġaladarba dan is-servizz ikun fis-seħħ, il-Virtu Ferries se tkun qed tikkonsidra tibni vapur ieħor magħmul specifikament għar-rotta bejn l-Imġarr, Għawdex u l-Belt Valletta. Il-vapur il-ġdid li se ikun propost jikkonforma mal-ogħla standard ambjentali li jkun hemm fis-seħħ meta dan jibda jinbena, b’rispett għall-miżuri strinġenti fejn jidħlu r-regoli tal-emissjonijiet u l-linji gwida maħruġin mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO).

Share With: