Il-Pulizija Taljana tarresta lil raġel suspettat li għen biex jitwettqu l-attakki terroristiċi f’Pariġi tal-2015

Il-Pulizija Taljana llum qalet li arrestat lil raġel ta’ nazzjonalità Alġerina suspettat li huwa membru tal-grupp tal-Istat Iżlamiku u li għen biex jitwettqu l-attakki terroristiċi f’Pariġi tal-2015.

“L-investigazzjonijiet għamluha possibbli biex naċċertaw il-konnessjonijiet tas-suspettat mal-ambjent tal-jihad radikali, u kif ukoll l-għajnuna li forna lil min wettaq l-attakki terroristiċi fit-teatru Bataclan,” qalet il-Pulizija ta’ Bari.

Ir-raġel, li kien identifikat mill-ġurnal Taljan La Repubblica bħala Athmane Touami, allegatament kien iggarantixxa l-forniment ta’ dokumenti foloz lit-terroristi.

Mal-130 persuna nqatlu filwaqt li 350 persuna oħrajn indarbu fl-attakki li twettqu nhar it-13 ta’ Novembru tal-2015. Terroristi Iżlamiċi kienu wettqu diversi attakki fuq siti diversi f’Pariġi, fosthom il-Bataclan, l-iStade de France, u l-bar Le Carillon.

Touami huwa suspettat li jifforma parti minn ċella ta’ terroriżmu tal-Istat Iżlamiku fi Franza u l-Belġju flimkien maż-żewġt aħwa tiegħu.

Huwa allegatament kien f’kuntatt mal-Belġjan Abdelhamid Abaaoud, estremist tal-Istat Iżlamiku li kien il-moħħ wara l-attakki ta’ Pariġi. Huwa suspettat li kien f’kuntatt ukoll ma’ Khalid Zerkani, predikatur jihadist fi Brussell li kien irrekluta għexieren ta’ Musulmani żgħażagħ bħala ġellieda jihadisti għas-Sirja.

Share With: