Il-Pulizija ssolvi diversi serqiet fosthom serqa armata fil-Mosta

Il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra r-Reati Vjolenti fi ħdan id-Dipartiment tar-Reati Maġġuri, arrestat żewġt irġiel b’rabta ma’ serqa armata li seħħet fil-11 ta’ Diċembru li għadda f’ħanut fi Triq il-Kostituzzjoni, Mosta. 

Wara diversi ġimgħat ta’ investigazzjonijiet u osservazzjoni, il-pulizija identifikaw liż-żewġ persuni li allegatament wettqu din is-serqa u anke stabilixxiet fejn kienu qegħdin joqgħodu. 

Nhar it-Tlieta, ftit wara l-10.00 p.m., il-Pulizija tad-Dipartiment tar-Reati Maġġuri assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit, iċċirkondaw appartament f’San Pawl il-Baħar u arrestaw raġel ta’ 42 sena mis-Serbja. 

L-operazzjoni ssoktat ilbieraħ, l-Erbgħa, fejn għal l-ħabta ta’ nofsinhar il-Pulizija arrestat it-tieni persuna, raġel ta’ 42 sena mill-Maċedonja, minn appartament fil-Gżira.

Minbarra li ż-żewġt irġiel wettqu flimkien is-serqa fil-Mosta, waqt l-invetsigazzjonijiet irriżulta wkoll li r-raġel mis-Serbja, allegatament waħdu kien involut f’erba’ serqiet oħra li seħħew fl-aħħar xhur fin-Naxxar, San Pawl il-Baħar u Ħal Qormi. 

Iż-żewġ persuni qegħdin jinżammu fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Floriana u mistennija jitressqu l-Qorti llum fgħall-ħabta tal-10.30 a.m. quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Josette Demicoli.

Share With: