Il-Proġett ta’ afforestazzjoni tal-FKNK magħżul bħala l-Proġett tax-Xahar tal-manifest tal-bijodiversità tal-FACE

Il-proġett ta’ Siġar u Arbuxelli Indiġeni Maltin amministrat mill-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK), ġie magħżul mill-Federazzjoni Ewropea għall-Kaċċa u l-Konservazzjoni (FACE) bħala l-proġett ta’ dan ix-xahar ta’ Marzu 2021 bħala parti mill-Manifest tal-Bijodiversità tal-FACE.

Kull xahar il-FACE tagħżel proġett ta’ konservazzjoni relatat mal-kaċċa fl-Ewropa bħala l-proġett tax-xahar. Dawn il-proġetti jenfasizzaw xi wħud mill-ħafna inizjattivi kbar li qed jagħmlu l-kaċċaturi biex jippreservaw il-bijodiversità.

Fl-2019, b’kollaborazzjoni ma’ NGO oħra, ACT, l-FKNK ħadet sehem fi programm nazzjonali, is-Saġġar, li għandu l-għan li jħawwel 1,000,000 siġra indiġena u arbuxxelli minn stokkijiet indiġeni lokali fuq perjodu ta’ 10 snin, f’żoni rurali u urbani tal-gżejjer Maltin. B’hekk, l-FKNK bdiet fuq il-proġett pilota tagħha tal-Mixtla u stabbiliet mixtla żgħira fir-Razzett tal-Bagħal (Binja rinovata tas-seklu 16, tal-Kavallieri ta’ Malta amministrata mill-FKNK).

Fir-rebbiegħa tal-2020, il-Mixtla rat tkabbir mill-ġerminazzjoni taż-żerriegħa u l-propagazzjoni ta’ assemblaġġ ta’ Żnuber, Ballut, Rand, Alaternu, Siġar tat-Tin, Ħarrub, Riħan u Lewż. Inkoraġġiti bis-suċċess tal-proġett pilota, sat-tieni kwart tal-2020, l-FKNK laħqet ftehim mal-Ministeru tal-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar (MECP), b’riżultat ta’ liema l-FKNK issa ġiet fdata b’żona maġenb ir-Razzett tal-Bagħal li hija ideali biex isostni t-tkabbir tal-Mixtla.

F’Diċembru 2020 l-FKNK bdiet tiġbor eluf ta’ żrieragħ minn siġar u arbuxelli indiġeni mill-ġonna tal-Buskett u l-inħawi. Dan il-proġett għandu l-għan li jkabar ‘il fuq minn 8,000 siġra u arbuxxell fl-2021. Il-FKNK diġà qassmet (b’xejn), mijiet minn dawn is-siġar indiġeni mkabbra fuq il-post fil-Mixtla, lil kaċċaturi u membri tal-pubbliku nġenerali biex jitħawlu f’żoni rurali u urbani ta’ l-għażla tagħhom, filwaqt li jedukaw u jqajmu kuxjenza dwar l-ispeċi rispettivi.

L-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar il-Bijodiversità għall-2030, li tinkludi inizjattiva ġdida ta ’restawr, tappella għal aktar azzjonijiet ibbażati fuq il-komunità mmexxija minn ċittadini, negozji, jew imsieħba soċjali biex jipproteġu u jirrestawraw l-ambjent naturali tal-Ewropa. Dan il-Proġett tal-FKNK juri għal darb’oħra li l-kaċċaturi u n-nassaba huma attivi u se jkunu atturi essenzjali fl-implimentazzjoni tal-istrateġija madwar l-Ewropa kollha fl-10 snin li ġejjin.

Share With: