Il-proċess tat-tilqim tal-Covid-19 fid-djar tal-anzjani tlesta fi żmien aħjar minn dak previst

Waqt konferenza stampa li għamel il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia fl-entratura tad-dar tal-anzjani tal-gvern fil-Mosta Dar Madonna tal-Isperanza, ħabbar li din id-dar se tkun it-tieni dar tal-anzjani tal-gvern, wara dik tal-Imsida, li se tkun qed titwaqqa’ u tinbena mill-
ġdid.

Huwa insista li d-djar tal-anzjani tal-gvern iridu joffru l-ogħla standards f’pajjiżna fl-attenzjoni u attivitajiet għall-anzjani residenti fihom.

Sadanittant, il-Ministru Michael Farrugia ħabbar li l-proċess tat-tilqim kontra l-Covid-19 fid-djar tal-anzjani tlesta fi żmien aħjar minn dak previst.

Il-proċess ta’ tilqim kontra l-Covid-19 fid-39 dar tal-anzjani tlesta. Iżjed minn 3,700 resident u iktar minn 2,800 impjegat ħadu ż-żewġ dożi tal-vaċċin.
Il-Ministru spjega li l-proċess ta’ tilqim għar-residenti fid-djar tal-anzjani beda fis-7 ta’ Jannar 2021, fid-Dar tal-Madonna tal-Mellieħa, waqt li l-impjegati bdew jieħdu t-tilqima jumejn wara.
Il-proċess, li sar b’kollaborazzjoni bejn l-Awtorità tal-Istandards ta’ Ħarsien Soċjali u l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, ikkonsista fil-ġbir tal-vaċċin, it-trasportazzjoni, ir-rikostruzzjoni tiegħu, l-amministrazzjoni tiegħu u l-proċess taż-żamma tar-rekords.

“Il-proċess tat-tilqim sar iżjed ta’ sfida meta bdiet tiġi amministrata t-tieni doża flimkien mal-kontinwazzjoni tal-iskeda tal-ewwel doża,” qal il-Ministru Michael Farrugia.

Huwa tkellem ukoll dwar il-proċess tat-tilqim lil dawk l-anzjani fil-komunità li ma jistgħux joħorġu mid-dar, li beda fil-25 ta’ Jannar 2021. Ħabbar ukoll li minn nhar it-Tnejn, 8 ta’ Marzu 2021, se jibda t-tilqim tal-anzjani Għawdxin bi problemi ta’ mobilità ġewwa r-residenza privata tagħhom.
Il-Ministru qal li dan il-proċess kien ta’ sfida akbar minn dak fid-djar tal-anzjani għax il-vaċċin kellu jiġi trasportat u mogħti lil anzjani f’diversi djar f’Malta u Għawdex fi żmien sitt sigħat mir-rikostruzzjoni tiegħu.

Sal-4 ta’ Marzu 2021, ingħatat it-tilqima lil 1,285 anzjan fl-ewwel doża, filwaqt li 641 anzjan ingħataw it-tieni doża fir-residenza privata tagħhom.

Il-Ministru Michael Farrugia ħeġġeġ lil dawk l-anzjani u ħaddiema li għal raġuni jew oħra għadhom ma ħadux it-tilqima sabiex jieħduha fl-iqsar żmien.

Share With: