Il-pressjoni għolja fid-demm

Minn Dr Georgiana Farrugia Bonnici, BSc (Hons) Rad; M.D.

X’inhuma l-pressjonijiet fid-demm, hekk imsejħa ta’ fuq, u ta’ taħt?

Il-pressjoni għolja fid-demm tkun preżenti meta wieħed ikollu diversi qari ta’ pressa fl-arterji li teċċedi l-140/90 mmHg. Dan il-qari huwa maqsum f’żewġ partijiet:- il-pressjoni hekk imsejħa ta’ fuq tikkorrespondi mal-ogħla pressa fid-demm meta l-qalb tkun qed tingħafas waqt it-taħbit, filwaqt li l-pressjoni ta’ taħt, tikkorrespondi mal-iżgħar pressa fid-demm, iżda din id-darba, meta l-qalb tkun rilassata.

Kif tiżviluppa din il-kundiżżjoni hekk imsejħa bħala waħda “siekta”?

Huwa pjuttost normali, li l-pressjoni fid-demm togħla bi ftit, iktar ma’ wieħed jikber fl-età, però huwa importanti li wieħed jirrikorri għand it-tabib tiegħu u jiċċekkja l-pressjoni fid-demm frekwentament, għaliex f’bosta drabi, meta wieħed ikun qed isofri minn din il-kundizzjoni, ma jħoss xejn partikolari biex jindika dan. Infatti, din hija għalhekk imsejħa bħala kundizzjoni “siekta”, għalkemm ċerti nies ġieli jirrappurtaw li qed iħossu uġieħ ta’ ras, problemi fil-vista jew fis-smiegħ, jew ħass ħażin, bħala sintomi.

Ħafna drabi, l-pressjoni għolja fid-demm tkun meqjusa bħala waħda ta’ kaġun primarju, jiġifieri ma jkun hemm l-ebda kundizzjoni oħra medika relatata magħha, però jista jkun hemm ukoll minoranza ta’ każijiet oħrajn, fejn il-pressjoni għolja fid-demm tkun qed tiġi kkawżata sekondarjament minn mard mediku ieħor, bħal mard fil-kliewi, tal-qalb, jew żbilanċ relatat mas-sistemi tal-endokrinoloġija. Kif ukoll, ikun hemm persentaġġ żgħir ieħor ta’ nisa, li l-pressjoni għolja teħorġilhom biss fit-tqala. F’dawn il-każijiet huwa vitali li wieħed iżur it-tabib tiegħu spiss, sabiex jevita li l-pressjoni għolja fid-demm twassal għall-kumplikazzjoni relatata mat-tqala, hekk imsejħa “ekklampsja”.

X’inhuma r-riskji assoċċjati ma’ din il-kundizzjoni?

Huwa fatt magħruf li fl-Ewropa, l-kundizzjoni ta’ pressjoni għolja fid-demm, qed tiżdied b’rata kemxejn mgħaġġla. Sfortunatament, dan  jista’ jwassal ukoll għal riskji għola ta’ mard kardjovaskulari, bħal puplesiji jew attakki tal-qalb.

Meta wieħed ikun ilu jbati minn pressjoni għolja fid-demm, ikun qed ipoġġi strapazz qawwi fuq il-qalb, u dan jista’ jwassal sabiex il-muskoli tal-qalb jiġu iktar dgħajfa, jew kif ukoll jinħolqu problemi, bħal djuq fl-arterji koronarji. Huwa fatt li pressjoni għolja fid-demm hija wkoll riskju maġġur għall-puplesiji, jew djuq fl-arterji prinċipali fis-saqajn. Tant hu hekk, li meta l-pressjoni fid-demm ma tkunx ikkontrollata għal diversi snin, u wieħed ikollu diversi riskji kardjovaskulari oħra, bħal xaħam, jew zokkor għoli fid-demm, wieħed jista’ wkoll jasal għall-punt li jkollu bżonn amputazzjoni ta’ partijiet minn ġismu, bħal swaba’, minħabba nuqqas ta’ ċirkulazzjoni. Il-pressjoni għolja, tista’ tikkawża wkoll iktar kumplikazzjonijiet fir-retina tal-għajnejn, jew fil-kliewi.

X’nistgħu nagħmlu biex inżommu livell normali ta’ pressjoni fid-demm?

Hemm diversi affarijiet li wieħed jista’ jagħmel biex ibaxxi l-pressjoni għolja fid-demm. L-ewwel pass hu li wieħed jiekol ikel bnin, li jkun baxx fil-melħ u preservattivi, kif ukoll billi  jipparteċipa f’eżerċiżżju fiżiku regolari. Wieħed għandu jfittex ukoll li jaqta’ t-tipjip, u l-konsum eċċessiv ta’ alkoħol. Jekk wieħed ikun qed ibati minn obeżità, it-telf ta’ piż żejjed jgħin ukoll. Meta dan ma jkunx biżżejjed, it-tabib jista’ jiddeċiedi li jibda pilloli apposta li jikkontrollaw il-pressjoni għolja fid-demm.

Share With: