Il-PM jikkonferma li l-Koħħu talab maħfra presidenzjali oħra

Jgħid li kull talba li jkollu quddiemu l-Kabinett tiġi pproċessata b’responsabiltà 

Il-Prim Ministru Robert Abela kkonferma li Vince Muscat, magħruf bħala l-Koħħu, talab maħfra presidenzjali oħra. Waqt li kien qiegħed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, Abela qal li kull talba li jkollu quddiemu l-Kabinett tiġi pproċessata b’responsabiltà u mhux bil-metodu “immatur” li fi kliemu tkellem il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech nhar il-Ħadd li għadda. Dan wara li fid-diskors tiegħu, Grech qal li kieku kien Prim Ministru kien jagħti maħfra presidenzjali lill-Koħħu.

Abela qal li kull eżerċizzju għal prerogattiva tal-maħfra mill-Kabinett hija deċizjoni kbira u dejjem jipproċessaw tali talbiet skont il-proċedura relativa. Ilbieraħ Abela kkonferma li hemm talba pendenti.

Dwar il-każ fejn fix-xhieda tiegħu l-Koħħu allega li Ministru fil-Kabinett kien involut f’xi ħaġa kbira, għal darb’oħra l-Prim Ministru semma kif immedjatament wara dik ix-xhieda, talab lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jistabbilixxi għal min kien qiegħed jirreferi x-xhud. Qal li x-xhud kien mitlub mill-Kummissarju tal-Pulizija biex jagħmel dan imma naqas milli jsemmi ismijiet. 

Il-Prim Ministru qal li jekk hemm xi ħadd li qiegħed jagħmel allegazzjoni, ma jistax iħalliha vaga imma għandu jissostanzjaha. Meta l-affarijiet ikunu sostanzjati, Abela qal li jieħu d-deċiżjonijiet kif dejjem għamel. Temm jgħid li l-ġustizzja ma ssirx bil-mod kif qiegħed jagħmilha l-Partit Nazzjonalista li “jimmina proċess ġudizzjarju biex jissodisfa l-għatx u l-kilba li għandu għall-poter.”

Share With: