Il-Parlament japprova aktar drittijiet lill-vittmi tal-kriminalità

Il-vittmi tal-kriminalità f’pajjiżna, kemm jekk Maltin kif ukoll jekk barranin, daqt jibdew igawdu minn aktar drittijiet wara li l-Parlament approva mill-istadju tat-Tieni Qari abbozz ta’ liġi li se jdaħħal fis-seħħ direttiva tal-UE għalkemm din jonqosha tgħaddi mit-Tielet Qari biex tidħol fis-seħħ.

Huwa u jindirizza lill-Parlament dar dan l-abbozz, il-Ministru għall-Ġustizzja, Ugwaljanza u Governanza Edward Zammit Lewis irrimarka li ħafna drabi nitkellmu dwar id-drittijiet tal-akkużati imma daqstant ieħor irridu nitkellmu dwar dawk tal-vittmi tal-kriminalità.

Zammit Lewis sostna li ħafna drabi l-vittmi ta’ kriminalità jbatu fis-silenzju u b’din il-liġi se jingħataw aktar għajnuna mhux biss mil-lat ta’ drittijiet ta’ flus imma anke għajnuna ġenerali.

Il-liġi tgħid li matul investigazzjoni kriminali intervisti tal-vittmi għandhom isiru bla dewmien mhux ġustifikat wara li jkun sar l-ilment fir-rigwaed tar-reat kriminali lill-Pulizja, għandhom ikunu limitati u l-vittmi jistgħu jkunu akkumpanjati minn rappreżentat legali u minn persuna li jagħżlu huma.

L-eżamijiet mediċi għandhom ikunu fil-minimu u l-vittmi li jieħdu sehem fi proċeduri kriminali għandu jkollhom possibilita li jitħallsu għall-ispejje f’dan ir-rigward.

Meta vittma tkun residenti ta’ stat membru li ma jkunx Malta l-vittma tista’ tixhed bil-vidjokonferenzi u konferenzi telefoniċi u kull vittma tista’ titlob li tiġi intervistata minn persuna tal-istess sess waqt li interrogazzjonijiet tal-vittma għandhom isiru f’postijiet apposta.

Il-liġi taħseb għal servizzi ta’ appoġġ inkluż fi skemi ta’ kumpens u anke għal appoġġ emozzjonali, fosthom kura medika u kenn f’xelters.

Fost il-vittmi li jissemmew fil-liġi hemm minorenni, dawk ta’ terroriżmu, ta’ kriminalità organizzata, tat-traffikar tal-bnedmin, ta’ vjolenza sesswali, vittmi ta’ relazzjoni, sfruttament jew mibgħeda u anke diżabilità.

Share With: