Il-Papa wera t-triq!

Ftit hawn nies li qed jirrealizzaw li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed nersqu lejn gwerra bierda oħra.  Fl-aħħar gwerra bierda, l-iskuża li kienet tintuża kien li sew ir-Russja u sew iċ-Ċina huma għedewwa tal-Punent minħabba l-komuniżmu.  Dik il-gwerra spiċċat u magħha fir-Russja spiċċa l-komuniżmu, iżda xorta l-Punent, inkluż l-UE, qed jerġgħu jpinġu lil dawn iż-żewġ pajjiżi bħala għedewwa.  Jekk dawn huma għedewwa, minn din joħroġ ċar li l-problema ma kienx il-komuniżmu, iżda xi ħaġa oħra.

Lejn dak li resqin lejl bdieh Trump, iżda ma spiċċax miegħu.  Jekk nagħtu ħarsa lejn l-Ewropa, bħalissa għaddejja kwistjoni li ftit jagħtu kasha – ir-relazzjonijiet bejn l-UE u dawn iż-żewġ pajjiżi.  Hemm ħafna fl-Ewropa li jridu li jerġgħu jingħaqdu mal-Istati Uniti biex jikkonfrontaw lir-Russja u liċ-Ċina.  L-iskuża bħas-soltu, hi li dawn ma jirrispettawx id-Drittijiet tal-Bniedem u s-Saltna tad-Dritt. 

L-aħħar azzjoni min-naħa tal-UE kienet kontra r-Russja minħabba li ġie arrestat dak li kien qed imexxi l-oppożizzjoni kontra Putin.  Għalija din hi skuża għaliex li kieku l-UE qed tieħu azzjoni minħabba f’hekk, ma kinitx tieħu azzjoni biss kontra r-Russja.  Għaliex l-UE flimkien mal-Istati Uniti ma ħadu l-ebda azzjoni kontra s-Saudi Arabja peress li l-prinċep eredi, kien wara l-qtil ta’ ġurnalist mis-Saudi Arabja fit-Turkija?  Ir-risposta hi ċara.  Għaliex mas-Saudi Arabja aħna ħbieb u għandna bżonnhom biex tibqa’ l-influwenza tal-Punent fil-Lvant Nofsani.  

L-istess skuża li kien juża Trump.  L-unika ħaġa li Trump kien differenti hi li hu ma kienx jipprova jinħeba wara subgħajh – kien ikun ċar fi kliemu.  

Insibu l-istess sitwazzjoni maċ-Ċina.  Iċ-Ċina qed narawha għadu minħabba s-suċċess ekonomiku tagħha.  Riċentament l-UE waslet fi ftehim kummerċjali maċ-Ċina.  Biss hemm ħafna oppożizzjoni.  Intaħaq għaliex il-Ġermanja taħt Merker tridu.  Ir-raġuni vera li hemm min qed jopponi dan il-ftehim hi li ma jridux li nnaqqsu t-tensjoni għax inkella ċ-Ċina ma tintweriex bħala għadu.  

Dan il-ħafna logħob, ma jsirx għalxejn għax wara hemm l-industrija tal-armi li fil-Punent hi qawwija ħafna.  Din kienet ħadet daqqa ‘l isfel wara li spiċċat l-aħħar gwerra bierda.  Ara issa qed terġa’ tqum għax erġajna poġġejna lil dawn iż-żewġ pajjiżi bħala għedewwa.

Il-ħasra hi li b’dawn l-affarijiet erġajna tlifna opportunita’ biex fid-dinja jkun hawn vera paċi. 

It-triq wriha dan il-Papa dan l-aħħar.  Dan sar meta l-Vatikan kien laħaq ftehim maċ-Ċina dwar il-ħatra tal-Isqfijiet.  Aħbar li nħbiet għax din kienet iddgħajjef l-oppożizzjoni lejn iċ-Ċina.  

Biss dan il-Papa reġa’ wrieh ftit tal-jiem ilu meta mar l-Iraq.  L-Iraq ma marx vaganza u lanqas biex jagħmel ‘show’.  Meta kien hemm iltaqa’ mal-mexxejja reliġjużi Musulmani.  

Għaliex għamel dan?  Żgur li hu ma jaqbilx la mal-valuri taċ-Ċina u lanqas mal-valuri tal-Musulmani.  Biss jaf li bil-konfrontazzjoni l-ħsara u l-mibgħeda mhux tnaqqasha – iżda żżidha.  Li qed jagħmel hu li jibni pont ma’ nies li jekk jibqgħu jitqiesu bħala għedewwa l-ħsara lejn iż-żewġ naħat tkompli tikber u mhux tonqos u nkunu qed nagħtu daqqa ta’ sieq lill-Paċi.  Fuq kollox wera li hu vera jemmen fil-paċi u li t-twemmin tiegħu f’dan mhux kliem fieragħ.  

B’daqshekk ma rranġax l-affarijiet.  Biss ħa l-ewwel pass – l-aktar pass diffiċli.  U hekk għandu jieħu l-Punent speċjalment l-UE, jekk verament temmen fil-paċi.

Biex inkun ċar, dan li ktibt ma ktibtux għax għandi xi simpatija lejn il-Knisja, iżda minħabba li kien pass tajjeb li wera, bl-eżempju, liema direzzjoni għandha tieħu d-dinja jekk verament irridu ngħixu fil-paċi.

Il-valuri

Il-valuri huma importanti.  Biss aktar importanti hu li nimxu ma’ dawk il-valuri li ngħidu li nemmnu fihom.  Min ma jimxix mal-valuri li jgħid li jemmen fihom, għalija hu ipokrita.  Dan għaliex ikun qed juri li mhux vera jemmen fil-valuri, iżda jkun qed juża l-valuri bħala arma kontra dawk li ma jaqbilx magħhom.  Il-Lemin, hu mimli bihom.

Dan l-aħħar kien hemm il-kwistjoni tal-Ungerjia.  L-Ewropa kollha taf li b’ Orbán, la hemm demokrazija u wisq anqas saltna tad-dritt.  Biss minħabba li l-Ungerija hu pajjiż imdaqqas u għandu ħafna MEPs li huma mal-Partit Popolari Ewropew, la ttieħdet u lanqas ser tittieħed xi azzjoni kontra tagħhom.  Fil-fatt lanqas il-PPE ma rnexxielu jieħu.  

Fil-fatt din l-iprokrezija tal-PPE ħariġha l-Politico li mhux xi ġurnal xellugi:

‘Standing up for the rules and procedures: The wrangling over whether Orbán’s party still has a home in the EPP has been going for years and is yet to yield a result. But there’s a good dose of irony in the fact that after all the EPP’s debates about its values, what it stands for and what Christian Democracy is and isn’t, this fight comes down to changes to rules of procedure. Bureaucracy rules, no doubt about that.’ – u l-valuri jtiru mar-riħ!

Insolvuha – biss, jekk irridu!

Il-COVID-19 għadu magħna.  Mhux talli hekk talli żdiedet ir-rata tiegħu b’mod qawwi.  Dan ma ġiex mix-xejn u lanqas waqa’ mis-sema.  Dan aħna stess ġibnieh.  Ir-raġuni hi nuqqas ta’ dixxiplina.  Bħal ma ktibt qabel, jien nemmen fl-infurzar tar-regolamenti.  Iżda nemmen ukoll li dan qatt ma hu biżżejjed.  Il-bżonn hu li kulħadd irid iżomm id-dixxiplina hu stess.  Jekk ma jsirx dan, kull miżura ma tkunx tista’ tagħmel l-effett tagħha minkejja l-miżura u minkejja l-infurzar li jsir.

Ir-raġuni hi waħda sempliċi.  L-ebda forza li żżomm id-dixxiplina ma tista’ tkun kullimkien il-ħin kollu.  Lanqas jekk Malta nġibuha stat pulizjesk!

Irridu nammettu li din il-pandemija ma nfirxitx permezz tan-natura iżda minħabba li mexxejniha aħna.  Għalxejn noqogħdu nduru mal-lewza.  Nistgħu noqogħdu nwaħħlu f’dak u fl-ieħor kemm irridu għax is-sitwazzjoni ser tibqa’ kif inhi.  L-unika soluzzjoni hi aħna rridu nżommu d-dixxiplina aħna stess.

Il-miżuri li kull individwu għandu jieħu kulħadd jafhom.  Ilna sena nafuhom.  Imma, għal ħafna, għalxejn l-ħin kollu nisimgħuhom għax minn widna jidħol u minn widna joħroġ.

Fuq kollox il-miżuri mhux xi ħaġa impossiblli – nilbsu l-maskri, inżommu d-distanza u nżommu ruħna, speċjalment idejna ndaf il-ħin kollu.

Miżuri sempliċi li flimkien mal-vaċċin li qed jingħata, nistgħu nsolvu din il-problema.  Ftit sforz minn kulħadd u nirnexxu.

Share With: