Il-mara f’Malta taqla’ €3,000 inqas f’paga minn raġel

Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) juru li f’pajjiżna l-mara taqla’ madwar €3,000 inqas minn raġel f’dik li hija paga għall-istess xogħol.

L-istatistika maħruġa fl-okkażjoni ta’ Jum il-Mara turi li fl-2019 il-paga bażika ta’ raġel kienet ta’ €20,974 mentri dik tal-mara €17,771, differenza ta’ €3,203.

Il-figuri juru li fil-kariga ta’ manager raġel jaqla’ medja ta’ €35,891 mentri mara €31,736.

F’karigi professjonali raġel jaqla €28,015 waqt li l-mara €23,735 mentri bħala ‘technicians’ u professjonisti fl-istess linja raġel jieħu medja ta’ €21,159 fis-sena u l-mara €19,042.

Waqt li ‘clerical support workers’ irġiel jaqilgħu €16,980, nisa li jaħdmu fl-istess impjieg jieħdu biss €14,713 fis-sena.

Impjegati li jaqgħu taħt ‘service workers’ u dawk li jaħdmu fil-ħwienet u l-bejgħ jaqilgħu medja ta’ €15,125 jekk huma rġiel imma €12,504 jekk nisa.

Fis-snajja u xogħol relatat raġel jaqla’ €16,168 mentri mara €13,059 waqt li ‘plant’ u ‘machine operators’ jaqilgħu €15,445 jekk irġiel u €12,427 jekk nisa.

F’xogħlijiet bażiċi l-irġiel jaqilgħu €13,395 mentri n-nisa €10,291 għall-istess xogħol.

Sadanittant, statistika maħruġa mill-Eurostat turi kif fl-istess sena d-differenza fil-paga bejn dik tal-irġiel u tan-nisa kienet ta’ 11.6% meta l-medja fl-UE kienet ta’ 14.1%.

Il-pajjiż bl-ogħla differenza kien l-Estonja b’21.7% segwit mil-Latvja b’21.2% u l-Awstrija bi 19.9%.

Il-Lussemburgu kellu l-inqas differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, 1.3%, segwit mir-Rumanija u l-Italja bi 3.3% u 4.7% rispettivament.

Fatti u figuri dwar in-nisa f’Malta

  • Minn popolazzjoni ta’ 514,564 fl-2019 kien hemm 248,802 nisa li jfisser 48%;
  • Malta tinsab fil-15-il post fost l-istati membri tal-UE għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa bl-Iżvezja fl-ewwel post u l-Greċja l-aħħar;
  • Fl-2019 madwar 57% tal-gradwati fil-livell ta’ edukazzjoni terzjarja kienu nisa, 2% aktar mill-2017;
  • Fl-istess sena kważi 9% tan-nisa u tfajliet ħadu sehem f’attivitajiet volontarji;
  • Fl-2019 ukoll 72% tan-nisa ‘l fuq minn 16-il sena qalu li jħossu li saħħithom hija tajba u 4% biss li le;
  • Matul l-imsemmija sena kienu 102,484 li kellhom impjieg li kien ifisser 49% tan-nisa kollha ‘l fuq minn 15-il sena u żieda ta’ 33% fuq l-2015;
  • Fl-2019 5,420 mara għamlu użu miċ-‘childcare centres’, id-doppju tal-2015, bi 88% tagħhom kienu f’impjieg;
  • Minn 221 persuna b’diżabilità jirreġistraw 67, jew 30%, kienu nisa li kien ifisser tnaqqis fuq l-2015;
  • Minn 3,258 inċident fuq il-post tax-xogħol reġistrati fl-2019 kienu 726 n-nisa li sofrew ġrieħi mhux fatali.
Share With: