Il-każi attivi jitilgħu għal 3,000 b’aktar każi ġodda minn fejqan fl-aħħar sigħat

Minn 3,654 swab test li saru fl-aħħar sigħat irriżultaw 233 każ ġdid ta’ Covid-19 f’pajjiżna. Fl-istess waqt kien hemm 162 persuna li rkupraw mill-virus biex in-numru ta’ każi attivi issa telgħu għal 3,000.

Mill-istatistika maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa jirriżulta wkoll li sal-bieraħ ġew amministrati 84,129 doża tal-vaċċin, b’29,748 persuna jieħdu wkoll it-tieni doża.

Intant in-numru ta’ vittmi tela’ għal 321 wara li fl-aħħar 24 siegħa mietu żewġ pazjenti oħrajn. 

Anzjan ta’ 84 sena miet waqt li kien qed jingħata kura fl-Isptar Mater Dei u anzjana ta’ 86 sena mietet waqt li kienet rikoverata fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Share With: