Il-każ dwar l-allegat abbuż sesswali minn qassisin fuq abbati se jkompli jinstema’ fil-magħluq

Il-każ kontra ż-żewġ qassisin Għawdxin akkużati li abbużaw sesswalment lil abbati, se jkun qed ikompli jinstema’ b’bibien magħluqin. Dan qalitu l-Qorti llum.

Il-Maġistrat Bridgette Sultana pprojbixxiet lill-midja milli tirrapporta dwar l-allegat reati u qalet li l-każ se jkompli jinstema’ fil-magħluq fl-interess tal-ġustizzja.

Il-qassisin Joseph Cini u Joseph Sultana, li għandhom 70 u 84 sena rispettivament, ċaħdu l-akkużi miġjubin fil-konfront tagħhom.

F’xhieda li ta permezz ta’ videoconferencing, il-vittma qal li Cini kien tah Lm5 wara li allegatament kien stuprah fuq is -sufan. Huwa kien qal ukoll li Sultana kien immisslu l-partijiet intimi tiegħu.

L-avukat għad-difiża Michael Sciriha argumenta li l-każ għandu jinstema fil-magħluq minħabba li l-każ huwa wieħed li jirrigwarda l-moralità pubblika.

Il-Prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx, bil-Maġistrat Sultana tordna li l-każ ikompli jinstema’ fil-magħluq biex ikun protett id-dritt għal smigħ ġust għall-akkużati u biex il-ġustizzja tkun tista’ ssegwi l-perkors tagħha.

Share With: