Il-Kamra tal-Kummerċ tagħraf ir-riforma fil-kirjiet protetti bħala “pass ‘il quddiem”

Il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u l-Kamra tal-Kummerċ kellhom laqgħa meqjusa  pożittiva ħafna miż-żewġ partijiet dwar ir-riforma tal-kirjiet protetti li ġiet deskritta bħala pass ‘il  quddiem.  

Fl-introduzzjoni tal-laqgħa, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes spjega li waqt il-proċess ta’ konsultazzjoni għall-ewwel riforma tal-kera fl-2019, il-Kamra tal-Kummerċ  kienet minn ta’ quddiem li pproponiet li jiġu indirizzati l-kirjiet protetti ta’ qabel l-1995.  

“Wara li rregolajna b’suċċess is-suq tal-kera, frott konsultazzjoni wiesgħa u infurzar effettiv, illum  wasalna għal riforma oħra. Stajna naslu għaliha għaliex fl-aħħar snin għamilna pass ‘il quddiem, bi  skemi li jagħmlu s-suq tal-proprjetà aktar aċċessibbli għal aktar nies, suq tal-kera regolat, proġetti ta’ akkomodazzjoni soċjali, u benefiċċji b’saħħithom li jassiguraw affordabilità”, stqarr il-Ministru  Galdes.  

Il-ministru fisser kif din ir-riforma se ġġib ġustizzja billi tara li tingħata protezzjoni lil min għandu  bżonn filwaqt li tassigura dħul ġust lis-sidien.  

Huwa qal kif il-konsultazzjoni mal-imsieħba ewlenin qed tkompli tirfina l-proposti biex il-proċess  involut ikun aktar effiċjenti, tonqos il-litigazzjoni u tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn l-inkwilini u s-sidien.  

Dan b’kuntrast ma’ interventi preċedenti li saru fil-passat fosthom fl-2009, li kattret il-litigazzjonijiet  bejn is-sidien u l-inkwilini kemm fuq l-ammont tal-kirjiet kif ukoll fuq il-wirt. Il-Ministru Galdes qal  li r-riforma mmexxija minnu għalhekk tenfasizza ż-żewġ prijoritajiet: l-element ta’ bilanċ, iżda wkoll  ġustizzja.  

Min-naħa tagħha, il-Kamra tal-Kummerċ qalet li tirrikonoxxi l-kuraġġ tal-gvern li jindirizza din l isfida li ilha preżenti għexieren ta’ snin, u tagħraf li r-riforma proposta hi pass kbir ‘il quddiem.  

Il-President tal-Kamra, il-Perit David Xuereb ikkummenta li dan huwa l-ewwel pass biex jinstab dan  il-bilanċ u kkummenta li l-Kamra ser tkun ta’ spalla għall-gvern biex dan il-proċess jinbeda mill-aktar  fis possibli u l-implimentazzjoni tiġi eżegwita b’mod ekwu fuq is-sid u l-inkwilin. 

Share With: