Il-GWU b’tilwima industrijali dwar ħaddiema tas-saħħa

Il-GWU iddikjarat tilwima industrijali għal ħaddiema tal-kura tas-saħħa.

Skont il-ftehim kolletiv tas-Servizz Pubbliku, ftehim settorjali huwa validu għal ħames snin u għalhekk ma jistgħux jiġu nnegozjati kundizzjonijiet qabel jgħaddi ż-żmien stipulat. 

Madanakollu l-GWU innutat li dan il-ftehim ġie injorat mill-Ministeru tas-Saħħa u ttieħdu diversi deċiżjonijiet għalkemm il-ftehim kollettiv jgħid mod ieħor.

Fid-dawl ta’ dan l-unjin avviċinat lill-ministeru ikkonċernat u lill-People and Standards Division fi ħdan l-Uffiċju tal-Prim Ministru sabiex jiġi nnegozjat ftehim settorjali ġdid ġaladarba dan il-ftehim kollettiv ġie injorat. 

Għalkemm il-GWU ilha tipprova tikkomunika mal-ministeri ikkonċernati minn Novembru 2020 hija baqgħet mingħajr tweġiba.

Għaldaqstant l-unjin iddikjarat tilwima industrijali għall-membri tagħha li jiffurmaw parti mill-ftehim settorali tal-kura tas-saħħa.

Il-GWU wissiet li qed tirriserva d-dritt li tieħu azzjonijiet industrijali jekk dik is-sitwazzjoni mhux ħa tiġi solvuta sa tmint ijiem. 

Share With: