“Il-Gvern kommess li jkompli jtejjeb l-ispazji miftuħa għal użu rikreattiv”

Mogħdijiet u siti għal picnics ser ikomplu jiġu mtejba u rijabilitati, kemm f’postijiet pubbliċi eżistenti u anki f’żoni urbani. 

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni f’mogħdija fil-Mosta.   

“Bħalissa għaddejja konsultazzjoni pubblika fuq id-dokument għad-diskussjoni maħruġ mill-Awtorità tal-Ippjanar (PA), iżda aħna ser immorru oltre u qed niltaqgħu ma’ għadd ta’ stakeholders fuq il-post, biex nifhmu aħjar it-tħassib tan-nies li jagħmlu użu minn dawn iż-żoni ta’ rikreazzjoni differenti,” qal il-Ministru. 

Wara għadd ta’ laqgħat ma’ għaqdiet non-governattivi bħar-Ramblers Association, Touring Club Malta, Association of Maltese Campers and Outdoor Activists, fost oħrajn, il-Ministru qal li dan l-eżerċizzju qiegħed isir biex jiġi stabbilit djalogu aħjar u jassigura feedback, ideat innovattivi, rakkomandazzjonijiet, veduti, opinjonijiet, suġġerimenti jew proposti li jistgħu jiġu kkunsidrati waqt it-tfassil tal-politika. 

Apparti minn hekk, il-konsultazzjoni pubblika robusta li saret s’issa tinkludi aktar minn 200 proposta minn għaqdiet, klabbs u komunitajiet differenti, bħal dawk tal-kampers, il-bdiewa, il-kaċċaturi, u għadd ta’ għaqdiet oħra, kif ukoll il-periti u r-rappreżentanti mill-gvernijiet lokali, u individwi. Il-Ministru spjega li dawn il-laqgħat imorri oltre mid-data tal-għeluq għall-konsultazzjoni pubblika tad-dokument ta’ diskussjoni tal-PA dwar kamping, karavans, picnics u hiking.

“Inħarsu ’l quddiem li nistudjaw l-ideat sottomessi u nieħdu l-azzjonijiet kif hu xieraq. Fil-frattemp, qed inkomplu b’dan l-eżerċizzju fuq il-post: niltaqgħu mal-familji u għadd ta’ organizzazzjonijiet biex nisimgħu r-rakkomandazzjonijiet tagħhom fuq żoni rikreattivi ġodda f’pajjiżna, u biex intejbu dawk li diġà jeżistu,” qal il-Ministru.

“Iż-żoni rikreattivi huma dawk li jagħmlu l-komunitajiet tagħna abitabbli,” tenna l-Ministru. “Dawn jipprovdu ambjent aħjar u jikkontribwixxu lejn kwalità ta’ ħajja aħjar. Huwa propju għalhekk li l-Gvern imbarka fuq il-ħolqien ta’ komunitajiet aktar ħodor u li jkattar sens ta’ kburija u koeżjoni. Apparti minn hekk, irridu nibdew nirregolaw dawn l-attivitajiet. Jinħtieġ li nkunu aktar intelliġenti fl-ippjanar skont il-pjanijiet lokali u, fuq kollox, skont dak li l-poplu jixtieq u jistenna,” qal il-Ministru Farrugia. 

Share With: